Xhud jitkellem dwar l-atteġjament ta' Natalino Fenech dwar il-BirdLife

L-eks President tal-Birdlife jitkellem dwar kif kien jaġixxi Natalino Fenech fil-konfront tal-BirdLife Malta

Joseph Mangion, eks president tal-BirdLife Malta f'dikjarazzjoni li ta f'każ ta' libell semma kif fil-perjodu fejn hu kien president tal-BirdLife Malta, bejn l-2001 u l-2013, kien hemm sitwazzjonijiet fejn kemm fuq Times of Malta, kif ukoll fuq il-PBS, stqarrijiet tal-BirdLife Malta, kemm-il darba ma kinux jixxandru jew ma jingħatawx l-importanza li tixirqilhom.

Dan ġara fil-każ ta' libell li Natalino Fenech kien fetaħ kontra Saviour Balzan.

Joseph Mangion isemmi kif fil-fehma tiegħu, dan l-atteġjament fil-konfront ta' BirdLife Malta fuq dawn il-mezzi tax-xandir ġie minħabba li Natalino Fenech kien ġurnalista ta' Times of Malta fiż-żmien, u iktar tard, kap tal-aħbarijiet tal-PBS.

Skont Mangion, huwa fatt magħruf li Natalino Fenech ma kienx jara għajn m'għajn mal-BirdLife Malta għalkemm hu qatt ma fehem għalfejn kien dan.

Semma wkoll li xi drabi, sahansitra, l-isem 'BirdLife' lanqas biss kien jissemma' fuq l-aħbarijiet tal-PBS anke jevita li jikkonsulta mal-BirdLife Malta għal kummenti meta kien hemm suġġetti relatati mal-ħarsien tal-għasafar. Dan, skont Mangion wassal biex joskura l-ħidma ta' BirdLife Malta fuq il-mezzi tax-xandir.

More in Qrati u Pulizija