Heddew żewġ nisa b'sikkina fil-Gżira

Tliet irġiel, tnejn minnhom Libjani u ieħor Malti ma ngħatawx liberta proviżorja

Investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett u d-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali wasslu għall-arrest ta’ żewġ ġuvintur oħra - wieħed ta’ 19-il sena u ieħor ta’ 22 sena, it-tnejn imwielda l-Libja. 

Iż-żewġ persuni flimkien mal-ġuvni ta’ 15 –il sena minn San Pawl-il Baħar li nqabad ilbieraħ, tressqu l-Qorti llum, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr C Galea LL.D , akkużati b’serq u żamma ta’ żewġ persuni kontra l-volonta` tagħhom.  Huma ġew ukoll akkużati li kkaġunaw ġrieħi ta’ natura ħafifa fuq waħda mill-vittmi, bi strument li jaqta’ u bil-ponta u kif ukoll li kkommettew l-istess reati f’perjodi operattivi ta’ liberta` proviżorja fost akkużi oħra.

L-imputati li għandhom 15, 19 u 22 sena barra li żammew żewġ nisa kontra l-volonta tagħhom nhar l-Erbgħa bil-lejl u serqulhom il-karrozza, wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontra tagħhom u ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest.

Il-proprjetarja tal-karrozza, mara ta' 41 sena qalet li hi kienet bil-qiegħdha fuq l-għatba tad-dar tagħha meta tliet żgħażagħ marru fuqha, imbutawha ġewwa u heddewha flimkien ma' mara ta' 68 sena. 

L-irġiel serqu żewġ skieken, bobile phone, €50 f'kontanti u xi ċwievet qabel telqu bil-karrozza, peugeot 306. Il-pulizija kellhom rapport u raw il-karrozza f'Tower Road, tas-Sliema li meta raw il-karrozza tal-pulizija  f'San Ġiljan ħarbu jiġru.

Il-pulizija l-ewwel arrestat lil malti ta' 15-il sena li jgħix San Pawl il-Baħar u wara liż-żewġ żgħażagħ Libjani.

 

More in Qrati u Pulizija