Wieħed mill-ħallelin jibqa’ jiċħad li kien involut fis-serqa
Is-Serqa tal-Pagi tat-Tarzna fl-1948 – l-aħħar parti
minn Staff Reporter
Ġużeppi Cachia ta’ 27 sena, li kien magħruf bħala “ta’ Letanja”, minn Ħaż-Żebbuġ, wieħed minn dawk akkużati bil-hold-up fuq it-trakk tan-Navy Ingliża f’April tal-1948, baqa’ jiċħad l-involviment tiegħu f’dan ir-reat kriminali, iżda l-ġurati ħasbuha mod ieħor.
Ix-xhieda ta’ wieħed mill-akkużati
Meta għażel li jixhed fil-ġuri li hu stess kien għaddej minnu, Ġużeppi Cachia beda biex qal li erbat ijiem wara s-serqa kienu marru l-Pulizija għandu u għamlu tfittxija fid-dar tiegħu. Minn hemm Cachia ttieħed lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fejn kien interrogat mill-prim investigatur, is-supretendent Manwel Calleja. Fost ħafna mistoqsijiet huwa kien mistoqsi jekk kienx jaf lil Salvu Fenech, ta’ 24 sena, Manwel Cardona ta’ 26 sena u lil Ġanni Buttigieg, Għawdxi li kien joqgħod Ħaż-Żebbuġ.
Cachia kompla jixhed li s-Supretendent Calleja staqsieh ukoll meta kien mar l-aħħar Għajn Dwieli u hu wieġeb li kien mar f’dan il-post il-Ħamis ta’ qabel. Ix-xhud semma’ wkoll li ftit wara kien daħal fl-uffiċċju tas-Supretendent Calleja, Lippu Tanti li l-karozza tiegħu ntużat biex marru fuq il-post tar-reat u dan qal li dakinhar tas-serqa hu (Cachia) la kien il-Marsa u lanqas fir-razzett ta’ Fenech, imma kien f’Għajn Dwieli. Cachia qal ukoll li xi ġranet wara li kien meħlus kien reġa’ bagħat għalih l-istess Supretendent Calleja u staqsieh jekk kienx jaf xi ħaġa dwar is-serqa tal-pagi tal-ħaddiema tat-Tarzna. It-tweġiba tiegħu kienet fin-negattiv u dwar dan għamel stqarrija bil-miktub lill-Pulizija.
Dwar dakinhar tas-serqa, Cachia qal li filgħodu kmieni kien telaq lejn il-Belt u billi kien ra lil Ġanni Buttigieg bl-inċirata tax-xita taħt driegħu basar li s-serqa kellha ssir dakinhar. L-akkużat kompla jgħid li mill-Belt kien mar Bormla u wara li sar ftit tal-ħin mar Ħaż-Żebbuġ u għall-ħabta ta’ Nofsinhar Manwel Cardona (ħatnu) mar għandu d-dar, u qallu – “Hemm kien kollox sew.”
Huwa qal ukoll li s-Sibt kien iltaqa’ ma’ Fenech u dan kellmu dwar il-każ u qallu wkoll li min spara kien spara fl-ajru. Għall-mistoqsija li saritlu, l-akkużat qal li hu ma kienx qal lis-Supretendent Calleja li t-tabella kien ħadimha hu. Hawn sar konfront u fl-awla reġa’ daħal is-Supretendent Calleja u dan stqarr li Cachia kien qallu li t-tabella kien ħadimha hu u ħadha miegħu, imma ma għamilhiex fejn kellu jagħmilha, għax beża’ u għalhekk remieha. Is-Sur Calleja kien diġà xehed dwar dan u kien qal ukoll li wara din l-istqarrija kien mar ifittex it-tabella u għalkemm kien dam erba’ sigħat ifittixha baqa’ ma sabhiex.
Wara dan is-smigħ kollu tax-xhieda tal-prosekuzzjoni, l-avukati difensuri għamlu d-difiża tagħhom u l-Qorti semgħet l-uniku xhud tad-difiża, Francis Pugliesevich, chargeman fit-Tarzna.
Dan ix-xhud qal li kien ilu jaf lill-akkużat Ġanni Gambin xi erba’ snin u li sena qabel is-serqa Gambin kien allokat xogħol barra mit-Tarzna u għalhekk ma kienx ikollu xogħol li kellu x’jaqsam mal-kaxxiera tat-Tarzna.
L-indirizz tal-Imħallef u l-kundanna
Fl-indirizz tiegħu lill-ġurati, l-Imħallef William Harding beda biex spjega lill-ġurati li għalkemm f’dan il-ġuri kien hemm ħames akkużati mixlija f’att ta’ akkuża waħda, madanakollu l-ġurati kellhom iżommu l-provi separati għal kull wieħed mill-akkużati. Konsegwenza ta’ dan, qal l-Imħallef, kull dikjarazzjoni li għamel kull akkużat tolqot, favur jew kontra, lil dak l-akkużat biss li jkun għamilha u mhux lill-oħrajn.
L-Imħallef kompla jgħid li matul il-ġuri ssemmiet bosta drabi l-prova tal-konfessjoni, madanakollu ma kienx dmir tal-ġurati li jaraw għaliex akkużat jagħżel li jagħmel konfessjoni, u li din tista’ ssir għal ħafna raġunijiet.
Dr William Harding fisser li wieħed jista’ jaħseb li se jgawdi xi ħaġa b’dik il-konfessjoni u għalhekk il-ġurati ma kellhomx jaraw il-għala kienet saret.
Punt ieħor legali li ssemmà mill-Imħallef Harding kien dak tad-twiddiba qabel persuna tkun interrogata mill-Pulizija, jiġifieri li jkun infurmat li mhux obbligat li jwieġeb għad-domandi li jkunu se jagħmlulu l-Pulizija, u li dak li jgħid jista’ jinġieb bħala xhieda kontrih fil-Qorti. Dwar din it-twiddiba, l-Imħallef qal li ma kien hemm xejn fil-liġi Maltija li kienet tobbliga lill-Pulizija biex iwissu lil xi ħadd suspettat waqt li qed ikun interrogat.
Hawnhekk irid jingħad li din kienet il-proċedura f’dak iż-żmien għax mill-1957, disa’ snin wara, fuq direttiva tal-Kummissarju tal-Pulizija, persuna kellha dejjem tingħata din it-twissija qabel tkun interrogata. Illum l-akkużat għandu wkoll id-dritt li waqt l-interrogazzjoni jkollu preżenti l-avukat tal-għażla tiegħu.
L-Imħallef Harding tkellem dwar punti oħrajn tal-liġi fosthom l-att tal-akkuża li saret kontra kull akkużat u qal li fl-ewwel kap tal-akkuża ssemma’ li Ġeraldu Cassar, Salvu Fenech u Manwel Cardona kienu ħadu sehem attiv fil-hold up. Issemma’ wkoll li ma kienx hemm dubju li Lippu Tanti kien ukoll kompliċi meta kien jaf għaliex kienu se jużaw il-karozza tiegħu. Dwar Bezzina, l-Imħallef qal li dan kellu każ differenti għax irriżulta li ma riedx jindaħal u l-vettura li kellu ma ntużatx fis-serqa. Dwar l-akkużat Ġużè Cachia, l-Imħallef qal li l-prosekuzzjoni kienet qed tgħid li dan ħeġġeġ lill-oħrajn biex iwettqu s-serqa u għenhom għat-twettieq tagħha. Jekk tiġi ppruvata waħda minn dawn iż-żewġ ipotesi, qal l-Imħallef Harding, Cachia kellu jinstab ħati ta’ kompliċità.
Dwar l-akkużat Ġanni Gambin, l-Imħallef qal li dan kien mixli bħala kompliċi u l-prosekuzzjoni qalet li ssaħħaħ il-volontà tal-akkużati l-oħrajn għat-twettiq tas-serqa.
Skont l-Imħallef, mid-dikjarazzjoni li għamel Gambin lill-Pulizija – jiġifieri li l-akkużat Cardona kien qallu li kellhom il-ħsieb jagħmlu s-serqa u dwar dan m’għarrafx lill-Pulizija – dan ma kienx reat u l-akkużat kien forsi naqas moralment meta m’għarrafx lill-Pulizija imma ma kiser ebda liġi.
Il-verdett
Fil-verdett tagħhom il-ġurati ma sabux lil Ġanni Gambin ħati tal-akkużi miġjubin kontra tiegħu u għalhekk inħeles.
Ġużè Cachia kien ikkundannat għaxar snin ħabs, filwaqt li Ġeraldu Cassar, Salvu Fenech u Manwel Cardona ntbagħatu 11-il sena ħabs kull wieħed.
Dawn il-ħamest irġiel illum huma kollha mejtin u huma parti mill-istorja ta’ Malta.