Cachia tkellem, flimkein ma Renni Stivala li qed jitkellem f'isem il-prosekuzzjoni, dwar il-każ ta' xogħlijiet fil-ground tal-futbol fl-Għarb - li jmorru lura għal Jannar tal-2006.
Skont ix-xhieda ta' Cauchi, Debono tah struzzjonijiet minn fuq it-telefon għal dawn ix-xogħlijiet li kellhom ikunu fi ground tal-five-a-side fl-Għarb.
Il-proġett ma ngħatax b'tender u lanqas b'kuntratt. Is-Sindku tal-Għarb dak iż-żmien kien David Apap Agius - canvasser għal Debono. Cauchi qal li minħabba li Apap Agius u Debono ġġieldu, kienet iktar diffiċli li jitħallas.
Skont ix-xhieda tiegħu, Cauchi bagħat irċevuta lill-Kunsill Lokali tal-Għarb ta' ġebel u konkrit li kien ipprovda għal dawk ix-xogħlijiet li għamel. Apap Agius iżda ma riedx iħallas lil Cauchi. Debono kien qal li ma kienx kuntent bix-xogħol - u b'hekk Cauchi baqa' ma tħallasx.
Il-prosekuzzjoni semmet lista ta' siti, fejn għal kull wieħed staqsiet id-dati u d-dettalji tax-xogħlijiet li saru, kif ukoll min ikkummissjonahom, min ħa lil Cauchi fuq is-sit u min issupplixxa l-konkrit.
Aktar kmieni...
Joseph Cauchi, fix-xhieda tiegħu qal li f'Settembru tas-sena l-oħra ilmenta mas-segretarju permanenti fil-Ministeru t'Għawdex dwar xi pagamenti li kienu għadhom ma sarulux. Dawn kienu pagamenti li jkopru xogħlijiet f'propjetajiet privati.
Cauchi kompla jgħid kif iltaqa' mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, u anke ma' Chris Said sabiex ikunu jistgħu jiddiskutu dan il-każ. Fil-laqgħa tiegħù ma' Said kien ingħatalu wkoll xi dokumenti. Qal li bgħat email dwar dan kollu lil David Agius ukoll.
Meta mistoqsi kif kienu jsiru x-xogħlijiet, Cauchi qal għal dawn ix-xogħlijiet kien jitħallas Lm4.75 is-siegħa. Spjega kif meta kien jintemm kuntratt, kien jibda ieħor - hekk kif hu ħadem fuq bosta kuntratti differenti, bl-ewwel tender jintrebaħ fl-2004.
Cauci ta bosta eżempji ta' xogħlijiet li ngħata. Qal li Debono kien imur għandu darba fis-sena fi Frar. "Jekk tħares lejn id-dokumenti ta' pagament issib d-dati kollha li fihom saru l-pagamenti." F'kull żjara, Debono kien iġib id-dokumenti neċessarji sabiex Cauchi jkun jista' jimla l-irċevuta. F'waħda mill-irċevuti kien hemm miktub "16-il siegħa b'L 7 fil-limiti ta' Kunjat tat-triq taż-Żebbuġ. Dawn is-sigħat konna nivvintawhom biex innaqsu mill-bilanċ."
Il-pagamenti li kienu joħorġu għal dawn ix-xogħlijiet kienu jiġu inklużi mal-ispejjeż ta' xi proġett ieħor.
F'ħafna mill-irċevuti kien hemm nuqqas ta' dettalji u ma kienx hemm miktub fejn intużaw lanqas, per eżempju "tindif ta' triq fil-Qala".
Aktar kmieni...
Tkompli l-kumpilazzjoni fil-każ ta' Anthony Debono akkużat fuq xogħlijiet li saru fil-privat imħallsa mill-CMU - il-Unit tal-Ministeru t'Għawdex għall-kostruzzjoni u manutenzjoni. Dawn ix-xogħlijiet allegatament saru b'xejn għall-kostitwenti privati.
Il-ġimgħa l-oħra d-difiża tat ħarsa mill-qrib għall-evidenza ppreżentata mill-prosekuzzjoni dwar dawn l-allegati xogħlijiet.
Illum mistenni jixgħed il-Whistleblower Joseph Cauchi "Is-Sansun", fejn mistenni jispjega kif ma tħallasx is-somma ta' madwar €50,000 għal xi xogħlijiet li ġew ordnati lilu minn Anthony Debono, b'konsegwenza li kellu joħroġ il-flus minn butu. L-irċevuta għal xi wħud minn dawn ix-xogħlijiet ħarġet fuq il-Ministeru t'Għawdex.