Arrestati uffiċjali tal-Fifa fuq korruzzjoni

Fosthom hemm il-Viċi President tal-FIFA Jeffrey Webb

Ġew arrestati sitt uffiċjali tal-futbol f'lukanda f'Zurich fl-Iżvizzera fuq akkużi ta' korruzzjoni fil-Fifa.

Qiegħed jingħad li fost dawk arrestati hemm viċi-president tal-Fifa. Dawk arrestati nżammu mill-pulizija u qed jistennew l-estradizzjoni lejn l-Istati Uniti.
L-akkużi jinkludu ħasil ta' flus, racketeering u frodi permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni.

Il-membri tal-Fifa bħalissa jinstabu miġburin f'Zurich għal-laqgħa annwali ta' nhar il-Ġimgħa, fejn il-President Sepp Blatter qed jistenna li jerġa' jinħatar għall-ħames darba. Jidher li Blatter mhux wieħed mill-arrestati.

Il-gazzetta New York Times qed tirrapporta li pulizija libsin pajżana ħadu ċ-ċwievet mir-reception tal-lukana Baur au Lac, fejn kienu qed joqogħdu l-uffiċjali u telgħu fil-kmamar tagħhom. L-operazzjoni saret b'mod paċifiku.

Il-Viċi-President tal-Fifa Jeffrey Webb qiegħed jingħad li hu wieħed fost l-arrestati, skont Richard Conway mill-BBC li bħalissa jinstab fl-istess lukanda. Web huwa l-kap tal-konfederazzjoni għall-Amerika ta' Fuq u l-Amerika Ċentrali, kif ukoll il-Karibew.

Il-ġurnalist Michael Schmidt minn New York Times qal li ra l-uffiċjal tal-Fifa Eduardo Li tal-Costa Rica qiegħed jinħareġ minn kamartu mill-awtoritajiet.

More in Qrati u Pulizija