Illum 30 ta’ Mejju 2015, għall-ħabta tat-tlieta u nofs (1530hrs), il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq Sant’Andrija, is-Swieqi minħabba li kien seħħ inċident tat-traffiku.
Il-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan marru fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari sabu li tifel kien safa’ milqut minn vettura tat-tip Peugeot 207 li kienet qiegħda tinstaq fid-direzzjoni lejn San Ġiljan minn raġel Tork li għandu 38 sena, residenti San Pawl il-Baħar.
It-tifel ingħata l-ewwel assistenza fuq il-post sakemm imbagħad ittieħed l-isptar Mater Dei għall-iktar kura. Iktar tard huwa ġie ċċertifikat mejjet.
Wara investigazzjoni intensiva, il-Pulizija rnexxielha tasal għall-identifikazzjoni tat-tifel. Fil-fatt il-Pulizija tista’ tikkonferma li t-tifel għandu 10 snin u huwa ta’ nazzjonalita` Libjana.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr D Clarke LL.D li ordnat li ssir Inkjesta u appuntat diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.