Ordni ta’ protezzjoni

Mill-Qorti

Raġel li, nhar il-Ġimgħa li għadda, qala’ diversi daqqiet ta’ sikkina minn raġel ieħor meta daħal id-dar għallarrieda u sabu fis-sodda ma’ martu, nħariġlu ordni ta’ protezzjoni wara appell tal-Avukat Ġenerali.

L-uffiċċju tal-AG kienet ordnat lill-Pulizija tappella minn digriet tal-maġistrat Antonio Micallef Trigona, li ma kienx laqa’ t-talba għall-ħruġ ta’ din l-ordni ta’ protezzjoni, għaliex il-Qorti ma ħassitx li kien hemm bżonnha. 

L-Imħallef David Scicluna ħareġ id-digriet waqt li kien qiegħed jisma’ l-każ kontra raġel ta’ 38 sena minn Raħal Ġdid, li ismu ma jistax jissemma b’ordni tal-Qorti, li ammetta li kkawża ġrieħi ta’ natura gravi lir-raġel li sab f’soddtu ma’ martu.

Il-maħbub tal-mara kien attakka lir-raġel b’mug li sab fuq il-komodina, iżda r-raġel mar ġab sikkina mill-kċina u ta diversi daqqiet ta’ sikkina lill-maħbub ta’ martu, f’wiċċu u dirgħajh.

 L-avukat difensur Roberto Montalto saħaq li l-klijent tiegħu ma kkontestax l-akkużi, iżda qal li l-attakk kien skużabbli fl-isfond tan-natura provokanti u xokkanti tal-iskoperta. Infatti d-difiza kienet qiegħda tikkunsidra tipproċedix kontra l-maħbub fir-rigward tal-aggressjoni li wera.

L-ispettur Spiridione Zammit mexxa l-prosekuzzjoni filwaqt li l-avukati Kevin Valletta u Vincienne Vella dehru għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

More in Qrati u Pulizija