Mhux ħatja li kkorrompiet tfajla ta’ sittax–il sena

mill-Qorti

Mara, akkużata li kkorrompiet tfajla ta’ sittax–il sena, wara li omm it-tfajla sabithom jitbewsu fil-karozza tagħha, nstabet mhux ħatja mill-Qorti nhar il-Ġimgħa, wara li nstema’ kif iż-żagħżugħa kienet innamrat ma’ nisa oħrajn fil-passat.

Il-pulizija kienet bdiet tinvestiga il-każ wara li omm iż-żagħżugħa li, fuq ordni tal-Qorti, isimha ma jistax jixxandar,  skopriet lil bintha titbewwes ma’ mara oħra ta’ 28 sena u għamlet rapport l-għassa. It-tfajla li, fiż-żmien tal-inċident, kienet għada m’għalqitx sbatax-il sena, spjegat li l-inkontru kien konsenswali u li kienu ilhom jinnamraw xi gimgħatejn, wara li ltaqgħu fuq is-sit soċjali Facebook. 

Dakinhar tal-inċident il-koppja kienu ħarġu Paceville u l-kbira kienet wasslet ż-żagħżugħa d-dar bil-karozza tagħha. Kienu barra d-dar tal-minorenni, meta omm iż- żagħżugħa sabithom jitbewsu fil-karozza.

Maġistrat Audrey Demicoli semgħet liż-żagħżugħa tixhed li kienet omosesswali iżda kienet għada ma nfurmatx lill-omm b’dan. L-imputata ma  kinitx l-ewwel għarusa li kellha, tenniet tgħid iż-żagħżugħa, però rriżulta li kienet għada ma’ nfurmatx lil ommha bl-orjentazzjoni sesswali tagħha.

Fid-deċizjoni tagħha, l-Qorti ma sabitx lill-imputata ħatja ta’ korruzzjoni ta’ minorenni u spjegat li element important ta’ din l-akkuża – atti libidinużi – ma’ kinux preżenti. Bews fuq ix-xufftejn, fejn iż-żewġ parteċipanti kienu mlibbsin ma tammontax għal att libidinuż, qalet il-Qorti.

Apparti dan, il-Qorti qalet li l-esperjenzi omosesswali preċedenti kienu prova li it-tfajli kienet konxja ta’ x’inhi tagħmel.

L-ispettur Sylvana Briffa mexxiet il-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukat Andy Elluul deher għall-imputata.

More in Qrati u Pulizija