Ser jittellgħu l-Qorti fuq sperġur

Kienu l-messaġġi elettroniċi ta’ Ċensu Farrugia li biddlu kollox

Pawlu Abela, Philip Fenech u Ċensu Farrugia ser jaffaċċjaw proceduri kriminali fuq sperġur
Pawlu Abela, Philip Fenech u Ċensu Farrugia ser jaffaċċjaw proceduri kriminali fuq sperġur

Pawlu Abela, President tal-GRTU, Philip Fenech membru tal-kumitat tal-GRTU u Ċensu Farrugia l-eks Direttur Ġenerali tal-GRTU ser ikunu qed jaffaċċjaw proċeduri kriminali b’konnessjoni ma’ sperġur fil-każ kriminali Pulizija kontra Sandro Chetcuti.

Fil-jiem li ġejjin it-tlett persuni ser jiġu affaċċjati f’proċeduri kriminali, ibbażati fuq konklużjonijiet tal-maġistratura li qalet it-tlett persuni ma kinux qalu l-verità. Infatti f’ċerti każijiet influwenzaw jew inkella ivvintaw fatti.  Sperġur jista’, f’każijiet estremi, iwassal għal sentenza ta’ ħabs. 

 Huwa mistenni wkoll li din l-proċedura kriminali twassal għar-riżenja ta’ Pawlu Abela u Philip Fenech mill-GRTU, għax skont il-prassi skont l-istatut antik ta’ qabel 2010 jekk persuni fl-eżekuttiv ikun qed jaffronta akkużi kriminali ma jistax jokkupa kariga uffiċċjali.  Issa bl-istatut l-ġdid mibdul mit-tifel ta’ Ċensu Farrugia, bniedem irid jinstab ħati biex jitkeċċa.

Infatti Sandro Chetcuti kien mkeċċi mill-kumitat meta kien ġie akkużat, u Mario Debono ma tħallix ikun viċi president meta kien ġie akkużat mill-Pulizija f’każ separat relatat ma’ importazzjoni ta’ mediċini.

Il-każ klamoruż li kien beda meta Chetcuti li kien membru attiv tal-GRTU, u bagħat messaġġi elettroniċi bi żball lil Ċensu Farruġia. Dawn kienu mmirati għal Joseph Muscat, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni tal-Partit Laburista.

Li kien ġara hu li wara Chetcuti kien żar lil Farrugia fil-kwartieri tal-GRTU u kien hemm tilwima bejn it-tnejn, liema inċident inbiddel f’każ fejn il-Pulizija mhux biss inkarċeraw lil Chetcuti, imma riedu jakkużawh b’attentat ta’ qtil.

Ċensu Farrugia
Ċensu Farrugia
Sandro Chetcuti
Sandro Chetcuti

Li kien ġara kien li waqt il-kumpilazzjoni ta’ evidenza, Ċensu Farrugia bi żball ħalla l-messaġġi elettroniċi fuq il-mobajl li kien depożitat fil-Qorti - messaġġi li kien bagħat lil diversi persuni biex jinfluwenzaw jew jiddiriġihom kif jixhdu fil-każ. 

Dawn kien ukoll jinkludu lit-tabib li kien qed jagħmel ir-rapport mediku. Fost il-messaġġi kien hemm biżibilju messaġġi kontra Sandro Chetcuti u oħrajn biex ix-xhieda jixhdu mod, u mhux onest.

Messaġġi oħra kienu jinkludu ġurnalisti li kellhom rabta mal-istampa Nazzjonalista. Tant hu hekk li dakinhar kien hemm xita ta’ artikli fin-Nazzjon u l-Independent – gazzetta magħrufa għall-appoġġ għall-Partit Nazzjonalista.

Ix-xhud kruċjali li dawret il-każ kienet Sylvia Gauci li f’nofs ix-xhieda stqarret li kienet xehdet falz għax hekk talbuha. Dan l-avvenimenti wasslu biex l-att ta’ akkuża kontra Sandro Chetcuti nbiddel drastikament u l-att ta’ attentat ta’ qtil ġie mneħħi. Ċensu Farrugia spiċċa skreditat u ftit wara telaq mill-GRTU, għalkemm mhux magħruf jekk dawn kienu r-raġunijiet li telaq.

Farrugia li fis-Snin Sebgħin u Tmenin u anki Disgħin kien magħruf bħala Laburist biddel fehmtu u ddeċieda biex joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista. Fi 1996 kien mexxa l-GRTU kontra l-Gvern Nazzjonalista dwar il-VAT, imma mbgħad spiċċa jitħabbeb mal-PN.

Spiċċa ma telax fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew minkejja li kellu l-appoġġ assolut ta’ Lawrence Gonzi. Minkejja l-kunflitt ta’ interess baqa direttur ġenerali tal-GRTU. Bħala rikonixximent li ħareġ mal-Partit Nazzjonalista u anki minħabba l-pożizzjoni tiegħu fil-GRTU, Lawrence Gonzi kien ħatru biex ikun ir-rappreżentant ta’ Malta fi Brussell dwar temi relatati max-xogħol u żvilupp soċjali.

Sandro Chetcuti min-naħa l-oħra, minkejja s-sentenza sospiża, baqa’ għaddej u illum iservi ta’ President tal-Għaqda Maltija ta’ Min Jiżviluppa u għandu profil għoli fil-media.

More in Qrati u Pulizija