Raġel mill-Belt mixli b'attentat ta' qtil

Massimo Caruana, ta' 35 sena, ġie mixli li lbieraħ pprova joqtol lil Noel Mifsud ta' 40 sena

Raġel ta' 35 sena mill-Belt Valletta qed jinżamm arrestat wara li deher dalgħodu quddiem il-Qorti, akkużat bl-attentat ta' qtil fuq ħu l-partner tiegħu.

Massimo Caruana kien mixli li lbieraħ filgħodu pprova joqtol lil vittma ta' 40 sena, Noel Mifsud, ħdejn Forti Sant'Iermu fil-Belt Valletta.

L-inċident seħħ ilbieraħ madwar il-10.45am fuq il-fosos ta' barra l-forti. Il-vittma sofra minn ferita ħafifa f'siequ x-xellugija. Huwa mifhum li dan ġara wara argument fuq il-bejgħ ta' karozzi. L-arma allegatament intużat għadha ma nstabitx.

Caruana ġie akkużat ukoll li kellu fil-pussess tiegħu arma tan-nar bla permess tal-Pulizija, li kiser il-paċi pubblika b'għajjat u storbjuli, li hedded lill-istess Noel Mifsud u lil missieru Alfred Mifsud, u li kiser żewġ sentenzi tal-Qorti tal-Maġistrati.  Hu wieġeb mhux ħati għal dan kollu,

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Kurt Zahra u Daryl Borg. L-avukat ta' Caruana, Charmaine Cherrett talbet il-ħelsien mill-arrest, iżda din ġiet miċħuda mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

 

More in Qrati u Pulizija