Jerġa' jtenni l-allegazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet f'Kordin

Il-ġurnalist MaltaToday Raphael Vassallo jgħid li l-allegazzjonijiet tiegħu ġew ikkonfermati mix-xhieda tal-espert forensiku

Il-Qorti semgħet lill-ġurnalist Raphael Vassallo jafferma mill-ġdid fatti li kiteb dwar il-kundizzjonijiet ta' ħsara li hemm fil-Fakultà Korrettiva ta' Kordin, waqt kontro-eżami li sar mill-avukat tal-eks direttur tal-Fakultà, Abraham Zammit.

Zammit, flimkien ma' tliet gwardjani tal-ħabs fittxew lil Vassallo u lil Matthew Vella b'libell wara li ppubblikaw allegazzjonijiet li saru mill-priġunier Daniż Perry Ingomar Toornstra, li soffra ġrieħi estensivi wara li pprova jaħrab mill-ħabs.

Fil-Qorti, Vassallo qal li r-rapport tiegħu li kien fih dettalji dwar it-trattament inuman li soffra Toornstra ngħata konferma mix-xhieda tal-espert forenisku Dr. Mario Scerri, li eżamina lill-priġunier wara s-swat; u li talab reazzjoni mill-Ministru għall-Affarijiet Interni dwar dawn l-allegazzjonijiet, li baqgħu bla tweġiba.

Vassallo tenna wkoll li l-gwardjani tal-ħabs li fittxewh b'libell ġew identifikati minn Toornstra bħala dawk li m'għamlu xejn waqt li beda jiġi msawwat minn gwardjani oħra. Qal li dawn taw xhieda falza fil-qorti waqt il-kumpilazzjoni ta' evidenza kontra dawk li attakkawh.

"Huma ċaħdu li mmanettjawh u li maltrattaw lil Toornstra, meta dan kien kontradit minn rapport li nbagħat mill-espert forensiku tal-qorti Mario Scerri," sostna Vassallo. "Hemm partijiet mill-ittra minn Toornstra li ma stajtx nikkonferma u b'hekk ma ppubblikajthomx."

Fil-qorti ammetta li l-allegazzjoni li Carmelo Bonnici kien x-xufier għal Zammit kien żball ġenwin, li għalih kien talab skuża. "M'aċċettawx l-apoloġija u insistew li jagħmlu libell. Dan hu każ ta' intimidazzjoni kontra l-media u kontrija biex iwaqqfuna milli nikbtu artikli oħra bħal dawn."

Vassallo qal ukoll li r-regolamenti tal-ħabs żammewh lura milli jżur lil Toomstra hekk kif dawn huma riżervati b'invit mill-membri tal-familja li fil-każ ta' Toomstra ma jgħixux Malta. Żied jgħid li dan il-fatt xorta ma żammux lura milli jikkonferma l-kundizzjonijiet fil-ħabs hekk kif bl-għajnuna ta' familjari ta' priġunieri oħra rnexxielu jikkonferma dak li kien qed jiġri.

Temm jgħid li għalkemm ipprova kemm il-darba biex jikkuntattja l-awtoritajiet tal-ħabs u jieħu l-kummenti tagħhom, dawn baqgħu qatt ma wieġbuh u dejjem injorawh."Dejjem nagħmel mill-aħjar biex nivverifika l-informazzjoni kollha iżda meta ssib ħajt quddiemek fejn jinjoraw jagħmlulek ħajtek impossibbli u għalhekk inkludejthom fl-artiklu."

 

More in Qrati u Pulizija