Raġel minn B'Bugia jmut wara ħabta bil-mutur

Ir-raġel ta' 45 sena ħabat ma' Xarabank, l-Imġarr

Raġel ta’ 45 sena residenti Birżebbuġa tilef ħajtu wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq Għajn Tuffieħa, l-Imġarr, illum għall-ħabta tal-għaxra neqsin kwart .

Minn investigazzjonijiet preliminari li saru mill-Pulizija tad-Distrett tal-Mosta, jidher li għal xi raġuni kien hemm impatt bejn mutur u xarabank li kienu qed jinstaqu f’direzzjonijiet opposti.

Ir-raġel ta’ 45 sena kien qiegħed isuq mutur tat-tip Honda CB filwaqt li x-xarabank kienet qiegħda tinstaq minn ġuvni ta’ 22 sena, residenti Ħaż-Żebbuġ.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u marru wkoll Pulizija mir-Rapid Intervention Unit u mis-Sezzjoni tat-traffiku sabiex jassistu.

Sfortunatament is-sewwieq tal-mutur ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Bil-każ ġie infurmat ukoll il-Maġistrat tal-Għassa Dr I Farrugia LL.D li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.

 

It-triq bħalissa tinsab magħluqa għat-traffiku filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

 

More in Qrati u Pulizija