Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-siegħa u kwart, il-Pulizija kienet infurmata li ġewwa Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ, kienet instemgħat splużjoni.
Il-Pulizija mill-Għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ irrikorriet fuq il-post fejn sabu li l-isplużjoni kienet seħħet fix-showroom tat-Toyota. Filwaqt li ħadd ma wegga’ f’dan l-inċident, kawża ta’ din l-isplużjoni inkiser parti mill-ħġieġ ta’ l-imsemmija showroom, kif ukoll saret ħsara fuq vettura li kienet tinsab ġewwa l-istess fond.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr C Scerri Herrera LLD li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
Aktar stħarriġ mill-Pulizija tad-Distrett flimkien mad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali għadu għaddej sabiex jiġi stabbilit l-kawża ta’ din l-isplużjoni.