Allegazzjonijiet foloz ta’ swat

mill-Qorti

Raġel li kien allega li ssawwat mill-Pulizija minħabba li kien qiegħed ipejjep ġo bar ingħata sentenza sospiża wara li ammetta li l-allegazzjonijiet ma kinux vera.

Etienne Caruana mill-Iklin kien imressaq quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia iżjed kmieni din il-ġimgħa, akkużat li attakka pulizija, għamel rapport falz fuq il-pulizija, m’obdiex ordni leġittima ta’ pulizija u li kkommetta sperġur. Kien ukoll akkużat li kiser il-paċi pubblika u pejjep ġo stabbiliment pubbliku.

Irriżulta li l-investigazzjoni tal-Pulizija bdiet wara li omm Caruana kienet kitbet ittra lill-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar, fejn allegat li binha kien issawwat, bi ħruxija kbira, mill-pulizija ġo Paceville fl-Ewwel tas-Sena.

Fl-ittra, l-omm spjegat kif Caruana kien avviċinat minn pulizija barra bar f’Paceville għall-ħabta tal-5am nhar l-1 ta’ Jannar u talab id-dettalji tiegħu “għax kien qed ipejjep.” Ir-rakkont ikompli billi jiddiskrivi kif f’daqqa waħda l-pulizija kienu tefgħu lill-ġuvni ġo vann fejn sawtuh u wara tefgħuh f’nofs ta’ triq. Caruana qal li kien sofra laċerazzjonijiet f’rasu u tbenġil fil-kustilji, fost ġrieħi oħra.

L-omm sostniet li kienet tkellmet ma’ diversi xhieda, li kollha kienu qalulha li kien hemm diversi persuni li kienu qed ipejpu dak il-ħin u li l-pulizija kien għażel li jaqbad miegħu għax “sabuh fis-sakra, ta’ statura żgħira u riedu jagħmlu eżempju bih.”

Iżda inkjesta maġisterjali kienet stabbiliet li kien Caruana li aggredixxa l-pulizija u li kien gideb lil ommu xħin saqsietu fuq il-ġrieħi li kellu.

Biex ma jinkixifx, kellu jkompli jigdeb tant li saħansitra spiċċa jigdeb taħt ġurament fil-Qorti.

Caruana ammetta l-akkużi u ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, kif ukoll ġie mmultat €1,200. Flimkien ma’ dawn, il-Qorti poġġiet lil ħati taħt ordni ta’ interdizzjoni ġenerali għal ħames snin.

More in Qrati u Pulizija