
Mhux ħatja li serqet ħames kameras tar-ritratti
mill-Qorti

More in Qrati u Pulizija
mill-Qorti
Mara li kienet tkeċċiet mix-xogħol minħabba allegazzjoni ta’ serq ta’ diversi kameras tar-ritratti mill-post tax-xogħol tagħha ġiet misjuba mhux ħatja tal-istess imputazzjoni fil-qorti din il-ġimgħa, wara li l-maġistrata qalet li l-unika xhud tal-prosekuzzjoni kien gideb lill-qorti.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ħelset lil Amanda Calleja, ta’ 29 sena mill-akkużi wara li m’emmnitx ix-xhieda tal-kollega tagħha, Jonathan Psaila, għar-raġuni li ma kienx affidabbli.
Ħames kameras tad-ditta Fuji li suppost kellhom ikunu premji ta’ lotterija, insterqu waqt festin ġol-lukanda Dragonara, organizzat mit-tmexxija tal-LIDL għall-ħaddiema ta’ dak is-supermarket fis-sena 2012. Psaila kien irrapporta lill-organizzaturi li l-oġġetti misruqa kienu jistgħu jinstabu fil-karozza ta’ Calleja, u hekk ġara.
Psaila kien ammetta, waqt proċeduri kriminali separati, li hu kien seraq l-oġġetti inkwistjoni u poġġiehom fil-bagoll tal-karozza ta’ Calleja. Iżda kien allega wkoll li kienet Calleja li talbitu jisraq il-kameras.
Min-naħa tagħha, Calleja kienet dejjem sostniet li ma kienet taf b’xejn. Qalet li kienet wasslet lil Psaila għall-festin u li kien ħalla l-ġakketta tiegħu fil-karozza. Hi u tpejjep sigarett barra, ma’ xi kollegi, Psaila kien avviċinaha u talabha ċ-ċwievet. L-imputata qalet lill-Qorti li kienet tathomlu għax assumiet li ried jiġbor il-ġakketta. Għandu jingħad ukoll li diversi xhieda li kienu qed ipejpu ma’ Calleja kkonfermaw dawn il-fatti.
Il-qorti nnutat diversi inkonsistenzi fix-xhieda ta’ Psaila. Kien qal li kien fis-sakra waqt il-festin, iżda ftakar ċar li l-imputata kienet talbitu jisraq il-kameras. Osservat ukoll li Psaila qal li kien rebaħ premju fil-lotterija tal-festin, però dan ma rriżultax fl-istħarriġ tagħha. Għal dawn ir-raġunijiet il-Qorti ħasset li ma kienx xhud affidabbli u għaldaqstant m’emmnitx ir-rakkont tiegħu.
Fin-nuqqas ta’ provi kontra, il-Qorti ħelset lil Calleja mill-akkuża.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef, filwaqt li l-Avukat Arthur Azzopardi deher għal Calleja.