Ċiniża tammetti li pruvat ixxaħħam pulizija

mill-Qorti

Ċiniża ngħatat sentenza sospiża wara li ammettiet li ttantat ixxaħħam uffiċjal tal-pulizija biex tħalliha tidħol Malta.

Ren Xiuju, ta’ 30 sena, ġiet imressqa quddiem il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera nhar l-Erbgħa, mixlija b’attentat ta’ tixħim ta’ uffiċjal pubbliku ġewwa l-ajruport, nhar it-Tlieta. 

Dakinhar, Xiuju, li kienet għadha tasal Malta, kienet ġiet miżmuma milli tidħol f’Malta minħabba xi irregolarità. Hekk kif uffiċjali tal-immigrazzjoni spjegaw lill-mara li kienet ser tintbagħat lura fuq it-titjira li jmiss, Xiuju talbet permess tuża l-kamra tal-banju. Dan il-permess ingħata, u ċ-Ċiniża marret sat-toilet, akkumpanjata minn pulizija mara.

Irriżulta li l-mara ġiet arrestata wara li ħarġet mill-kamra diviżorja b’mazz imdaqqas ta’ flus f’idejha u ppruvat iddeffishom fil-but tal-pulizija li kienet għassa magħha.

L-Ispettur Silvio Magro żied jgħid li madwar €1,500 fi flus kontanti nstabu fuq Xiuju.

Xiuju ammettiet l-akkużi kontrieha u weħlet sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Il-Qorti kkonfiskat il-flus u ordnat li l-mara titneħħa minn Malta.

L-avukat tal-għajnuna legali Joseph Mizzi deher għal Xiuju.

More in Qrati u Pulizija