Iż-żewġ karreġjati f’parti minn Triq it-Torri, f’Tas-Sliema, jinsabu temporanjament magħluqa għat-traffiku wara inċident li fih indarbu żewġt irġiel u tfajla.
Il-każ seħħ dalgħodu għall-ħabta tal-għaxra neqsin kwart (0945hrs), meta tfajla Norveġiża ta’ ħmistax-il sena ntlaqtet minn karozza tal-linja fl-inħawi magħrufa bħala x-Chalet.
Fl-inċident, weġġgħu wkoll żewġ passiġġiera li kienu riekbin fl-istess vettura: Raġel Franċiż ta’ ħamsin sena u ieħor ta’ sitta u tmenin sena u residenti s-Swieqi.
It-tliet persuni ttieħdu b’ambulanza l-Istpar Mater Dei, fejn qed jingħataw il-kura meħtieġa għall-ġrieħi li ġarrbu.
Iż-żewġ barranin involuti fl-inċident qegħdin jirrisjedu f’lukandi differenti fil-Gżira.
Aġġornament bil-kundizzjoni medika tagħhom tinħareġ hekk kif din tkun stabbilita.