Kollox jindika li l-mara Daniża li nstabet mejta f’għadira ilma f’qiegħ wied f’Marsalforn kienet maqtula, b’sorsi fi ħdan il-korp tal-pulizija jgħidu li huwa possibli li l-mara sfat vittma ta’ qtil vjolenti u makabru.
L-istess sorsi qalu lill-ILLUM li “ma tagħmilx sens li l-mara mietet konsegwenza ta’ xi inċident sfortunat jew ta’ xi waqa,” u li minħabba l-fatt li ċ-ċirkostanzi li setgħu waslu għall-mewtha għadhom inċerti, il-pulizija qed tinvestiga dan il-każ daqs li kieku qtil.
L-anzjana Daniża, li sussegwentement ġiet identifikata bħala Vera Holm, ta’ 72 sena, instabet mejta fil-Wied tal-Grazzja, nhar is-26 ta’ Lulju, jumejn biss wara li kienet irrapurtata nieqsa. Hija nstabet wiċċha ’l isfel f’għadira ilma u għarwiena. Il-handbag tagħha, li fih kien hemm madwar €300 fi flus kontanti, il-passaport, u l-mowbajl baqa’ ma nstabx. Aktar minn hekk, sorsi oħrajn spjegaw kif l-aggressuri setgħu ħbew il-ħwejjeġ tal-vittma biex ma jħallu l-ebda traċċi.
“Minħabba li hemm bosta ċirkostanzi dubjużi fosthom il-fatt li l-mara nstabet għarwiena u mingħajr il-handbag tagħha, ma tagħmilx sens li waqgħet waħedha jew li kienet involuta f’inċident sfortunat. Il-pulizija qed tinvestiga l-każ daqslikieku l-mara ġiet maqtula. Is-sitwazzjoni ta’ x’seta’ wasal għall-mewt tal-anzjana għadha inċerta,” l-istess sorsi qalu.
Eżamijiet forensiċi li saru fuq il-katavru tal-mara kkonfermaw kif il-mara kellha daqqa fil-kranju, tbenġil f’sidirha u kustilja mkissra. Madankollu, dawn il-ġrieħi ma kinux fatali u l-kaġun aħħari ta’ mewt l-anzjana għadu mhux magħruf u għalhekk, il-pulizija għadha qed tistenna r-riżultati konklussivi. Minkejja li inizjalment il-pulizija qalu li l-mara setgħet mietet kawża ta’ waqgħa, din il-possibilità issa qed tiġi eskluża.
“Ir-riżultat tal-awtopsja u l-kaġun tal-mewt għadu mhux uffiċjali, allura xejn ma jista’ jiġi eskluż. L-investigazzjoni baqalha ħafna,” is-sorsi tagħna spjegaw. Matul dawn l-aħħar jiem, l-investigazzjonijiet tal-pulizija ssoktaw b’sorsi oħra jgħidu li ġew interrogati diversi nies li setgħu raw lill-mara u ġew analizzati wkoll bosta kameras tas-sigurtà fil-madwar.
Vera Holm waslet Malta fid-19 ta’ Lulju għall-btala f’Għawdex. Hija kienet akkumpanjata mir-raġel tat-tifla, ż-żewġ uliedu u anke ħu r-raġel tat-tifla. Huma kellhom jitilqu minn Malta ġimgħa wara, propju fl-istess ġurnata li l-anzjana nstabet mejta.
Hija ntlemħet l-aħħar fl-24 ta’ Lulju għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar wara li kienet marret tixtri f’ħanut fil-Qbajjar, limiti ta’ Marsalforn. Hija għebet ftit mumenti wara, u tliet sigħat wara, il-qraba tagħha rrapurtawha nieqsa.
Aktar minn hekk, l-istess sorsi qalu li kważi ġimagħtejn wara s-sejba makabra, l-pulizija għadhom għadejjin. Il-katavru kien fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni kawża tal-qilla tax-xemx u s-sħana. Sa issa ma jidhirx li hemm żblokk fl-investigazzjoni, bil-mottiv u l-aggressuri għadhom mhux magħrufa.
Sadanittant, il-qraba ta’ Holm tħallew jitilqu minn Malta u waslu lura d-Danimarka. Il-mewt ta’ Holm ġibed ukoll l-attenzjoni ta’ bosta gazzetti Daniżi li fir-rapporti tagħhom staqsew diversi mistoqsijiet fuq il-mewt “misterjuż” tal-mara. Intant, l-mewt tal-anzjana qanqlet interess kbir fid-Danimarka, b’bosta gazzetti Daniżi jsaqsu diversi mistoqsijiet dwar il-misteru wara l-mewt u oħrajn jesprimu s-sorpriża tagħhom ta’ kif post kwiet u paċifiku bħal Għawdex kien il-post fejn seħħ dan kollu.