Jack Daboma, l-istudent Ungeriż li safa vittma ta’ abbuż razzjali aktar kmieni dan is-sajf, u l-mara li allegatament beżqitlu u għajritu, llum spiċċaw f’tgħannieqa hekk kif it-tnejn irtiraw l-akkużi u ġew illiberati mill-akkużi miġjuba kontra xulxin.
Aktar kmieni llum, Alison Cutajar ġiet akkużata b’abbuż razzjali fuq Jack Daboma, filwaqt li min-naħa tiegħu, l-istudent Ungeriż ġie akkużat li kiser il-paċi pubblika u li ħammeġ ir-reputazzjoni tal-akkużata – liema akkużi waqgħu minħabb n-nuqqas ta’ evidenza.
Meta deheru quddiem il-Maġistrat Carol Peralta, l-avukati tal-imputati qalu li ż-żewġ partijiet irtiraw l-akkużi kontra xulxin u li ma xtaqux jixhdu kontra xulxin. Għaldaqstant, il-Qorti ħelset liż-żewġ imputati mill-akkużi kontrihom. Aktar minn hekk, l-avukati li deheru għal Cutajar qalu li din tal-aħħar kienet iddispjaċuta bl-aġir tagħha u ma kellha l-ebda intenzjoni li toffendi lil Daboma. Id-difiża qalet ukoll li l-azzjonijiet ta’ Cutajar seħħu minħabba li hi kienet tinsab fi stat ta’ ansjetà hekk kif kienet għadha toħroġ mill-isptar ftit jiem qabel l-inċident.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat Roberto Montalto, li deher għal Daboma, qal li l-klijent tiegħu kien qed jaċċetta l-apoloġija ta’ Cutajar u li għaldaqstant kien qed jirtira l-kwerela. B'suġġeriment tal-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri li deheru għad-difiża, Daboma u Cutajar ħadu b'idejn xulxin sabiex jintesa l-inċident. Aktar minn hekk, it-tnejn spiċċaw għanqu lil xulxin fi tmiem il-kawża, mument li ħalla lil Cutajar bid-dmugħ f'għajnejha.
L-inċident seħħ aktar kmieni dan is-sajf meta Jack Daboma kien qed jorganizza kju fil-venda tal-karozza tal-linja fil-Belt Valletta hekk kif kien hemm ġenn sħiħ. F’ħin minnhom, l-akkużata allegatement beżqet lil Daboma u tagħtu daqqa ta’ ħarta, fost tgħajjir u insulti oħra.