L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija llum qalet li ċerti sentenzi li jingħataw mill-Qrati Maltin ma jirriflettux il-gravita tar-reati li jkunu twettqu fil-konfront tal-pulizija, u li għaldaqstant hemm bżonn pieni iktar ħorox.
L-Assoċjazzjoni qalet dan fl-isfond ta’ sentenza mill-Qorti li kkundannat raġel ta’ 38 sena minn Ħal Qormi għal sitt xhur ħabs u multa ta’ €2,000 talli għadda minn fuq il-pala ta’ sieq kuntistabbli tal-pulizija bil-karozza. Ir-raġel, Adrian Bianchi, kellu l-liċenzja tas-sewqan tiegħu sospiża għal tmint ijiem.
“L-MPA tikkundanna kull tip ta’ vjolenza li wħud mill-membri tal-korp tal-Pulizija ħafna drabi jsofru waqt il-qadi ta’ dmirijithom u tfakkar li l-pulizija huma ħaddiema bħal kull ċittadin ieħor li joħroġ jaqla’ l-għajxien għall-familja tiegħu u li hu kommess erba’ u għoxrin siegħa kull jum biex ikun hawn il-buon ordni u s-sigurtà madwar il-pajjiz kollu.”
Fuq il-midja soċjali kienu bosta pulizija li esprimew id-diżappunt tagħhom għal din is-sentenza, u llum proprju ftit jiem wara s-sentenza, l-Assoċjazzjoni saħqet li filwaqt li ċerti sentenzi huma vera deterrent għal min qed jaħseb biex jikser il-liġi jew jikkalpesta lill-pulizija, sentenzi oħrajn mhumiex.
“L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ilha għal dawn l-aħħar snin titlob li jkun hemm sentenzi li jipproteġu lill-membri tal-Korp u għaldaqstant, se tkompli tħeġġeġ lill-membri tal-ġudikatura biex ikunu riġidi fis-sentenzi li jagħtu għax permezz t’ hekk l-uffiċjali tal-pulizija jkunu protetti,” l-Assoċjazzjoni qalet.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija kompliet tgħid li l-inċidenti ta’ dawn l-aħħar jiem jixhdu l-veru bżonn sabiex ikun hemm aktar investiment qawwi kemm fir-riżorsi umani u kif ukoll li l-membri tal-Korp ikollhom it-taħriġ u l-mezzi kollha disponnibli biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom.