MEMBRU tal-MUSEUM illiberat minn akkużi li kkorrompa tifel

Il-Qorti ma temminx ix-xhieda ta’ allegat vittma ta’ 10 snin u tappella lill-awtoritajiet edukattivi sabiex jagħmlu lit-tfal konxji ta’ fejn jistgħu jwasslu allegazzjonijiet foloz.

Membru tal-MUSEUM li ssospenda ruħu mill-post tiegħu fl-istess soċjetà ta’ tagħlim reliġjuż u bħala assistant kap ta’ skola wara li ġie mixli li abbuża tifel ta’ 10 snin waqt ħarġa, llum ġie lliberat minn kull akkużi wara li l-Qorti ddikjarat li x-xhieda tal-allegat vittma ma kinitx kredibbli biżżejjed.

Anthony Callus, ta’ 46 sena, mis-Siġġiewi, kien mressaq il-Qorti taħt arrest nhar it-28 ta’ Awwissu tal-2014. Huwa kien ġie akkużat b’attentat vjolenti fuq il-pudur, li offenda l-morali pubbliku, u b’korruzzjoni ta’ minorenni.

Il-Qorti kienet semgħet kif ftit jiem qabel, proprju fl-24 ta’ Awwissu, li nzerta kien nhar ta’ Ħadd, Callus, li dak iż-żmien kien teżorier tal-MUSEUM, u grupp ta’ żgħażagħ mill-istess soċjetà kienu Baħar iċ–Ċagħaq jgħumu bħala parti minn ħarġa.

Intqal kif dakinhar, Callus allegatament refa’ lit-tifel mill-baħar għaddi ta’ drabi u f’okkażjoni minnhom, huwa qabdu b’tali mod li l-partijiet privati ta’ Callus messew mat-tifel.

Madankollu, l-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli qalet li ma tistax temmen il-verżjoni tal-allegat vittma u li x-xhieda tiegħu ma kinitx kredibbli biżżejjed. Aktar minn hekk, il-Qorti qaletl I kien impossibli biex seħħ abbuż bil-mod kif ingħad li sar.

Intqal ukoll li qabel ma seħħ l-inċident, it-tifel ma xtaqx imur il-MUSEUM, iżda dan mar xorta wara l-insistenza ta’ missieru. Il-Qorti osservat li t-tifel evita jwieġeb mistoqsijiet fuq kontenu fuq il-profil tal-Facebook tiegħu, filwaqt li ammetta li huma kien għamel ‘like’ fuq il-paġna tal-Playboy TV u LA Playboy Plus.

Filwaqt li lliberat lil Callus minn kull akkuża miġjuba kontrih, il-Maġistrat Audrey Demicoli saħqet li minkejja li huwa importanti li tfal żgħar ikollhom edukazzjoni sesswali, l-awtoritajiet edukattivi jridu jagħmlu lit-tfal konxji ta’ fejn jistgħu jwasslu allegazzjonijiet foloz.

L-Avukat Arthur Azzopardi deher għall-imputat, filwaqt li l-Ispettur Josric Mifsud mexxa l-prosekuzzjoni.

More in Qrati u Pulizija