Tgħallaq id-Depot b'liżar

Tinfetaħ inkjesta wara li raġel ta' 39 sena jmut ftit wara li nstab b'liżar m'għonqu fiċ-ċella tad-Depot

Raġel ta’ 39 sena miż-Żejtun li kien se jitressaq il-Qorti wara s-sejba ta’ 11-il kilo droga miet illum filgħodu, siegħa biss wara li nstab mgħallaq fiċ–ċella tad-Depot fil-Furjana.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju tal-Pulizija, Michael Cassar, qal li għal ħabta tat-3:05 ta’  filgħodu, waqt ronda fil-lock up tad-Depot, wieħed mill-pulizija sab raġel b’liżar m’għonqu,  liema liżar kien imqabbad mat-tieqa.

Huwa ngħata l-ewwel għajnuna medika mill-pulizija u ssejħet ambulanza. Madankollu, r-raġel miet waqt triqtu lejn l-Isptar Mater Dei siegħa wara.  

Il-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea fetħet inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-investigazzjoni tagħha.

Ir-raġel kien arrestat wara diversi ġimgħat ta’ osservazzjoni tal-Iskwadra Kontra d-Droga. Ġew misjuba 8 kilogrammi kokaina u tliet kilogrammi eroina waqt tfittxija f’żewġ proprejatijiet fiż-Żejtun u l-Marsa.

F’dawn it-tfittxijiet instabu wkoll oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga u ammont sostanzjali ta’ flus kontanti.

More in Qrati u Pulizija