Raġel ta’ 88 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ għoli ta’ disa filati.
L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-9:45 ta’ filgħaxija fi Triq il-Kbir San Ġużepp, Santa Venera.
Minn stħarriġ preliminari jirriżulta li r-raġel tela’ fuq il-bejt tar-residenza tiegħu biex jara jekk kienux instaddu xi katusi minħabba li beda dieħel l-ilma tax-xita ġewwa. Jidher li l-vittma uża sellum biex jitla’ fuq it-tromba u kien hawnhekk li waqa’ għal fuq il-bejt tal-ġirien tiegħu.
Hu sussegwentament tniżżel bl-assistenza tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u ttieħed l-Isptar Mater Dei, fejn ġie stabbilit li jinsab f’qagħda kritika.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin mill-Pulizija tad-Disrett tal-Ħamrun, kif ukoll inħatru diversi esperti biex jassistu f’Inkjesta Maġisterjali.