[Aġġornata] Jinżamm arrestat wara sejba ta' kilo ta' kannabis

Raġel ta' 26 sena arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti wara li tinstab kilogramma ta' raża ta' kannabis

Raġel ta’ 26 sena minn Santa Venera nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat b'pussess ta' madwar kilogramma ta' raża tal-kannabis.

Il-Qorti semgħet kif ir-raġel ġie arrestat ilbieraħ filgħaxija fi Triq Ħal Qormi, l-Ħamrun wara li pulizija mill-Iskwadra ta' Kontra d-Droga allegatament sabu d-droga fil-karozza tal-akkużat. Id-droga, li kienet maqsuma fi tmien blokok, instabet fil-glove compartment tal-karozza.

Minnufih wara s-sejba, r-raġel ġie arrestat u ftit sigħat wara, proprju llum filgħodu, huwa tressaq il-Qorti akkużat li kien fil-pussess ta' kannabis u kokaina f'kundizzjonijiet li d-droga ma kinitx għall-użu personali tiegħu. Huwa ġie akkużat ukoll li wettaq ir-reat f'post inqas minn 100 metru 'l bogħod minn post frekwentat miż-żgħażagħ.

Huwa ċaħad l-akkużi kontrih iżda l-Maġistrat Joe Mifsud ma laqax it-talba għal libertà proviżorja minħabba ċ–ċirkostanzi tal-każ u l-ammont ta' droga misjuba.

L-Ispettur Nikolai Sant mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Roberto Montalto deher għall-imputat.

More in Qrati u Pulizija