Raġel Niġerjan li kkaġuna ġrieħi f'wiċċ surġent tal-pulizija għax "kien bil-ġuħ" ġie mmultat €800 u ngħata sentenza sospiża ta' ħabs wara li ammetta li tah daqqa ta' ras fid-Depot tal-Pulizija, l-Furjana.
Joy Inofe, ta' 33 sena min-Niġerja, ammetta li kkaġġuna ġrieħi ħfief fuq wiċċ is-Surġent Maġġur Paul Cassar u li rreżista l-arrest bi vjolenza. L-inċident seħħ fis-sigħat bekrin ta' filgħodu, proprju fin-12:30, waqt li n-Niġerjan kien qed jiddaħħal ġo vann tas-Servizz tad-Detenzjoni biex jittieħed iċ-Ċentru ta' Detenzjoni ta' Ħal Safi.
In-Niġerjan huwa mistenni li jintbagħat lura wara li l-applikazzjoni tiegħu għall-ażil ġiet miċħuda.
Fil-Qorti, l-akkużat ammetta wkoll li attakka tliet uffiċjali tal-pulizija oħra li kien qed jippruvaw idaħħluħ ġo vann biex jittieħed Ħal-Far. Huwa ammetta wkoll li insultahom, li m'obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-pulizija, u li kiser il-buon ordni. Quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, l-imputat talab skuża għal għemilu u saħaq li għamel li għamel għax kien bil-ġuħ.
Fis-sentenza tagħha, l-Maġistrat Vella ħadet in konsiderazzjoni l-ammissjoni bikrija tal-imputat u mmultatu €800. Huwa ngħata sentenza ta' disa' xhur ħabs sospiża għal tliet snin.
Intant, il-pulizija qalet li b'konsegwenza tal-inċident, is-Surġent Maġġur sofra ġrieħi f'għajnejh il-leminija u ittieħed iċ–Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana għall-assistenza medika.