Ħaddiem iweġġa gravi wara waqa’ ta’ ħames sulari

Ħaddiem Ingliż li kien qed jaħdem fuq il-Forti ta’ Sant’ Iermu jġarrab ġrieħi gravi wara waqa’ minn għoli ta’ ħames sulari

Ir-raġel ġarrab ġrieħi gravi waqt li kien qed jinstalla kameras tas-sigurtà mas-sur tal-Forti ta' Sant'Iermu
Ir-raġel ġarrab ġrieħi gravi waqt li kien qed jinstalla kameras tas-sigurtà mas-sur tal-Forti ta' Sant'Iermu

Raġel Ingliż li dalgħodu kien qed jaħdem fuq sur fil-Belt weġġa gravi wara li waqa’ għal isfel minn għoli ta’ madwar ħames sulari.

Minn stħarriġ preliminari jirriżulta li r-raġel, li għandu 42 sena u jirrisjedi Marsaskala, kien qed jinstalla’ sistema ta’ kameras tas-sigurtà fuq il-Forti ta’ Sant’ Iermu meta għal xi raġuni waqa għal isfel u spiċċa fuq il-blat ta’ taħt is-sur f’post magħruf bħala Taħt iż-Żiemel.

L-inċident seħħ dalgħodu, għall-ħabta tal-9:50.

Fuq il-post issejħu membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, pulizija, u kif ukoll ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.  Sussegwentament, huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi. Il-pulizija qalet li r-raġel mhux fil-periklu tal-mewt.

Il-każ qiegħed jiġi investigat mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta.

More in Qrati u Pulizija