Mara ta’ 59 sena minn Birkirkara ttieħdet l-Isptar Mater Dei dalgħodu wara li soffriet xi ġrieħi waqt li kienet qed taqsam it-triq fil-Ħamrun.
Kelliem għall-Pulizija qal li l-inċident seħħ għall-ħabta tad-9:20 ta’filgħodu fi Triq il-Kbira San Ġużepp kantuniera ma’ Triq Schembri. Mill-ewwel stħarriġ jirriżulta li l-mara ttajret minn vettura tat-tip Toyota Belta li kienet qed tinstaq fid-direzzjoni ta’ Blata l-Bajda.
Mad-daqqa, l-mara taret ftit metri u soffriet xi ġrieħi f’ rasha.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-mara l-Isptar Mater Dei għall-iktar kura. Il-kundizzjoni tagħha għadha mhix magħrufa iżda ma tinsabx fil-periklu tal-mewt.
Il-karozza kienet misjuqa minn mara ta’ 53 sena minn San Pawl il-Baħar.