Libjan jintbagħat għomru l-ħabs għall-qtil tal-eks mara

Nizar El Gadi jintbagħat għomru l-ħabs u kkundannat għall-għaxart ijiem reklużjoni kull ħames snin wara li jinstab ħati li qatel lill-Avukat Margaret Mifsud fl-2012

Nizar El Gadi intbagħat għomru l-ħabs wara li nstab ħati li qatel lill-eks mara tiegħu, l-Avukata Margaret Mifsud f’Baħar iċ-Ċagħaq f’April tal-2012.

Apparti minn hekk, fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Antonio Mizzi kkundanna lil-Libjan għaxart ijiem reklużjoni kull ħames snin. Id-deċiżjoni tal-Imħallef Mizzi waslet wara li aktar kmieni, b’tmien voti kontra wieħed, il-ġurati sabu lil el Gadi ħati tal-qtil tal-Avukat Margaret Mifsud.

Huwa nstab ħati mill-ġurati wara biss erba’ sigħat ta’ deliberazzjoni. Wara li kienet semgħet il-verdett tal-ġurati, l-Prosekuzzjoni, mmexxija minn avukati mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, talbu li l-akkużat jintbagħat għomru l-ħabs, filwaqt li d-difiża, permezz tal-Avukat Martin Testaferata Moroni Viani, qalet li għomor il-ħabs tkun tfisser deċiżjoni ħarxa u krudili.

Quddiem il-qraba tal-vittma, fosthom ommha, l-Imħallef Antonio Mizzi laqa’ t-talba tal-prosekuzzjoni u bagħat lil El Gadi għomru l-ħabs.

Id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-ġurati damu tliet ġimgħat jisimgħu l-kawża fil-Qorti. Il-ġurati kienu semgħu kif fil-lejl ta’ bejn it-18 u d-19 ta’ April, l-Avukat Margaret Mifsud instabet maqtula fil-karozza tagħha f’Baħar iċ–Ċagħaq.

Mix-xhieda tal-esperti ħareġ li l-vittma mietet fgata minħabba pressjoni eċċessiva fuq sidirha. Esperti forensiċi qalu wkoll li d-DNA tal-akkużat instabet fuq id-dwiefer tal-vittma, u li xahar qabel ma nstabet mejta, Mifsud kienet għamlet rapport lill-pulizija li El Gadi kien prova jifgaha.

Il-Prosekuzzjoni f'dan il-ġuri tmexxiet minn l-Assistent Avukat Ġnerali Philip Galea Farrugia u Giannella Busuttil. L-Avukat Martin Testaferrata Moroni Viani deher għall-akkużat. L-Avukati Arthur Azzopardi u Kathleen Grima deheru bħala Parte Civile għall-familja tal-vittma.

More in Qrati u Pulizija