Tliet żgħażagħ investigati fuq ħut minn fish farm

Inqabdu tliet żgħażagħ fuq suspett li serqu madwar sittax-il kilo ħut, b’valur t’aktar minn tlett mitt ewro, minn fish farm. Dan permezz ta' ħidma mill-pulizija tad-distrett u l-għajnuna ta' persuna viġilanti.

Il-każ seħħ ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tad-9.30pm, meta l-Pulizija tad-Distrett ta’ Birżebbuġa kienu infurmati permezz ta’ telefonata anonima b’dgħajsa suspettuża li kienet qed tbaħħar fl-inħawi ta’ Marsaxlokk.

Għalhekk, il-pulizija marru minnufih fil-viċinanzi tat-Torri ta’ San Luċjan, minn fejn lemħu d-dgħajsa b’numru ta’ persuni abbord ħdejn fish farm. Minn hemm, id-dgħajsa daret lura għall-Bajja tal-Qajjenza, fejn niżlu t-tliet żgħażagħ.

Kien hawnhekk li dawn twaqqfu mill-pulizija, li sabu l-ħut mqassam f’numru ta’ basktijiet li kienu fil-pussess tagħhom.

L-investigazzjonijiet madankollu għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija