Koppja Serba akkużati b'pussess ta' Cannabis, Ecstasy u Kokaina

Inqabdu wara ġirja bil-karrozzi mal-pulizija

Mara ta’ ħamsin sena u raġel t’erbgħa u tletin sena, t-tnejn li huma ta’ nazzjonalità Serba, mistennija jitressqu l-qorti dalgħodu wara li nstabu fil-pussess t’ammont sostanzjali ta’ dawk li huma maħsuba li huma reżina u ħaxixa tal-kannabis, ecstasy u kokaina.

Is-sejba saret nhar it-23 ta’ Jannar, 2016, għall-ħabta tad-disgħa neqsin kwart ta’ filgħaxija, wara li l-Pulizija tad-Distrett, li kienu fuq ronda, lemħu tnejn min-nies jaġixxu b’mod suspettuż f’karozza fi Triq San Ġeraldu, San Pawl il-Baħar.

Hekk kif il-pulizija bdew joqorbu, il-karozza saqet b’veloċità lejn it-Torri ta’ Wignacourt. Kif raw hekk, il-pulizija saqu għall-warajha sakemm interċettawha fi Triq Dawret il-Gżejjer.

Minn tfittxija fl-istess vettura u f’appartament instabu total ta’ madwar ħamsin gramma raża tal-kannabis, kważi sbatax-il gramma ħaxixa tal-kannabis, sitta u ħamsin pillola tal-ecstasy u qartas bil-kokaina.

Instabu wkoll affarijiet oħra relatati.

L-investigazzjonijiet tmexxew mit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga.

 

More in Qrati u Pulizija