Esperti legali li tkellmu mal-ILLUM sostnew li għandha tittieħed azzjoni fil-konfront tal-Imħallef Giovanni Grixti wara l-iżball tiegħu li wassal biex is-sindku Laburista Natius Farrugia kien arrestat illegalment. Dawk li tkellmu mal-ILLUM qalu li jkun, “stramb jekk il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura ma jiħux nota ġudizzjarja ta’ dak kollu li ġara, u jagħmel dak li għandu jagħmel mingħajr ma jistenna rapporti formali dwar il-każ.”
L-ILLUM staqsiet ukoll lil Franco Debono, l-avukat ta’ Farrugia, jekk iħossx li l-każ għandux imur quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, iżda Debono saħaq li dwar dan ma xtaqx li jikkumenta.
L-esperti li tkellmu magħna, midħla tal-liġi u tal-Qorti, sostnew li l-arrest tas-Sindku Laburista Natius Farrugia kien, “illegali, mill-aktar stramb u sar bi ksur tal-liġi, hekk kif Farrugia safa’ arrestat fuq akkuża li dwarha hu kien diġà ġie lliberat mill-Imħallef Francesco Depasquale.”
Mal-ILLUM Franco Debono spjega kif wara li ngħatat din is-sentenza, hu flimkien mal-Avukat Marion Camilleri bdew jippreparaw rikors biex Natius jinħeles mill-arrest, liema arrest Debono sejjaħlu “illegali.” L-istess avukati talbu lid-deputat tal-Imħallef Grixti għal diversi drabi biex jingħataw is-sentenza, fl-istess waqt li nfurmawh li se jkun ippreżentat rikors li jiddikjara l-arrest wieħed illegali u li jikser il-liġi. Debono qal li aktarx kien f’dan il-punt li l-Imħallef irrealizza bl-iżball li kien sar.