Żewġ persuni huma mfittxija mill-Pulizija b'konnessjoni mal-mewt ta' Kolombjan ta' 37 sena li nhar il-Ħamis li għadda kien involut f'argument ma' żewġ persuni f'San Ġiljan.
Dan l-inċident kien seħħ għall-ħabta tat-3:00am fid-19 ta' Mejju f'parapett fi Triq San Ġorġ San Ġiljan, meta l-Kolombjan spiċċa f'argument ma' żewġ persuni li sa dakinhar kienu għadhom mhux identifikati. Il-Kolombjan ittieħed l-isptar u kien ġie ċċertifikat li jinsab f'qagħda kritika, u iktar tard tilef ħajtu.
Il-persuni mfittxija b'rabta mal-każ huma Zyad Mohamed Drebeka li għandu 23 sena u Ahmed Rasem Franko li għandu 29 sena. It-tnejn huma mwielda l-Libja.
Il-Pulizija qalet lill-pubbliku biex kulmin għandu kwalunkwe informazzjoni dwar dawn iż-żewġ persuni huwa mitlub jagħmel kuntatt, anke b’mod anonimu, permezz tan-numri 119/21 224001-9 jew dirett mal-Għassa ta’ San Ġiljan fuq in-numri 2294 2435 jew 2294 3401.