Filmat | Il-każ tal-arloġġ ta' Tonio Fenech...Cardona lliberat
Il-Qorti qalet li ma tarax kif Tonio Fenech jista' jħossu malafamat b’fatti li huma kolla sostanzjalment veri
More in Qrati u Pulizija
Il-Qorti qalet li ma tarax kif Tonio Fenech jista' jħossu malafamat b’fatti li huma kolla sostanzjalment veri
Il-Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali, ppreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale illiberat lil Chris Cardona mill-akkużi kollha, inkluż dawk kriminali, li nġabu kontra tiegħu mill-eks-Ministru Tonio Fenech.
Il-każ imur lura għat-22 ta’ Frar 2013, meta waqt programm televiżiv fuq ix-Xandir tal-Istat Chris Cardona, mistieden f’isem il-Partit Laburista, kien irrefera għal konferenza stampa li saret mill-Partit Laburista il-ġurnata ta’ qabel u li fiha kien ġie allegat li Tonio Fenech meta kien ministru tal-enerġija, kien irċieva b’rigal mingħand George Farrugia arloġġ tal-lira b’valur ta’ €5,000.
Il-Qorti qalet li ma tarax kif Tonio Fenech jista' jħossu malafamat b’fatti li huma kolla sostanzjalment veri, għajr għall-valur tar-rigal.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha rreferiet għall-fatt li r-rigal inbena minn Ines Farrugia, li tiġi l-mara ta’ Raymond Farrugia, li huwa ħu George Farrugia, li kien il-persuna li ngħatatilha l-maħfra presidenzjali mill-Gvern preċedenti li fih Tonio Fenech kien Ministru u li kienet tirrigwarda skandlu ta’ korruzzjoni fil-qasam taż-żejt. L-istess arloġġ kien tħallas mill-kumpanija Powerplan Limited, il-kumpanija li kienet involouta fl-istess każ tal-iskandlu taż-żejt.
Fix-xhieda tagħha Ines Farrugia qalet li l-arloġġ li ngħata b’rigal lil Tonio Fenech, kien arloġġ li ħadmet personalment hija stess fuq talba tar-raġel tagħha, Ray Farrugia wara li, f’riċeviment tal-Milied, kemm hi u r-raġel kienu ltaqgħu ma’ Tonio Fenech li kien urihom l-interess tiegħu għal affarijiet maħdumin lokalment.
L-istess Ines Farrugia xehdet li għalkemm kien ir-raġel tagħha li talabha biex tagħmel arloġġ lil Tonio Fenech, hija wkoll riedet tagħtih arloġġ rigal peress li kienet tammirah u li flimkien ma’ dan l-arloġġ kienet għamlet żewġ arloġġi oħra li ġew mgħoddija lill-Partit Nazzjonalista sabiex ikunu jistgħu jinbiegħu.
B’reazzjoni għal din is-sentenza Chris Cardona saħaq li bħala stat ta’ fatt l-iskandlu taż-żejt huwa l-akbar skandlu politiku fl-istorja politika Maltija; “kif ikkonfermat l-istess Qorti bħala Membru Parlamentari, dak iż-żmien fl-Oppozizzjoni kelli mhux biss id-dritt, iżda aktar u aktar id-dover li ngħarraf lill-poplu b’dik l-informazzjoni” sostna Chris Cardona.
Għal Chris Cardona deheru l-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo.
Intant, iktar kmieni dalgħodu, il-Ministru Cardona ġie mistoqsi dwar ir-reazzjoni tiegħu għal din is-sentenza, u qal li jistenna li l-eks-Ministru Fenech u l-Kap tal-Oppożizzjoni, jirreaġixxu għal din is-sentenza.