Keith Schembri (il-Kasco), rebaħ libell lin-Nazzjon fuq artiklu miktub minn Joe Mikallef. L-artiklu ta’ Joe Mikallef kien marbut ma’ Ryan Schembri, kuġin ta’ Keith Schembri li ħarab minn Malta midjun ma’ bosta persuni. F’Novembru tal-2014 in-Nazzjon irrapporta li Ryan Schembri għamel kuntatt ma’ persuni f’pajjiżna u li Keith Schembri kien konxju ta’ dan għax it-tnejn kienu jafdaw lil xulxin u kellhom interessi komuni fin-negozju.Dakinhar Schembri kien ċaħad mill-ewwel dak irrapportat. Qal li qatt ma kellu relazzjoni kummerċjali ma’ kuġinuh u l-implikazzjoni li sar xi kuntatt miegħu kienet falza. Fis-sentenza tagħhha l-Qorti tat kumpens massimu ta’ €5,000 lil Schembri.Il-Qorti qalet: “Din il-Qorti ma tistax ma tirrepetix illi ġurnaliżmu bħal dan jagħmel ferm iktar ħsara milli ġid lill-ġurnaliżmu ġenerali u lir-rispett li l-mezzi tax-xandir jistħoqqilhom stante illi l-artikolu mhuwiex ibbażat prinċipalment fuq it-tfittxija tal-verità u tax-xandir tal-fatti lill-qarrejja iżda huwa bbażat fuq l-intezjoni tal-artikolist li jagħmel ħsara lill-Keith Scembri li huwa meqjus bħala avversarju politiku.”