Kmieni dalgħodu għall-ħabta tal-04:30, raġel ta’ 47 sena mill-Imġarr għamel rapport ġewwa l-Għassa tal-Mosta fejn allega li kien għadu kemm safa’ aggredit misruq waqt li kien sejjer l-għalqa tiegħu, fi Triq Burmarrad , San Pawl il-Baħar.
Minn investigazzjonijiet preliminari illi għamlu l-Pulizija mid-Distrett tal-Mosta, irriżulta li waqt li r-raġel ġie avviċinat minn tliet persuni u talbuh il-flus li kellu fuqu.
Waqt is-serqa, ir-raġel ġie wkoll aggredit u għaldaqstant huwa kellu jmur il-poliklinika tal-Mosta sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
Waqt il-każ insterqet somma ta’ flus kontanti ta' ammont konsiderevoli.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr C Farrugia Frendo li ordnat li ssir Inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.