Matul l-ewwel tmien xhur ta' din is-sena, kien hemm 201 persuna minorenni li tressqet il-Qorti. Sa Awwissu ta' din is-sena 201 tifel u tifla taħt l-età ta' 18-il sena ġiet imressqa l-Qorti, bl-akkużi jvarjaw minn pussess ta' droga sa prostituzzjoni.
Fl-aħħar 10 snin, l-iktar sena li rat persuni taħt l-età jitressqu l-Qorti kienet l-2010 meta kien hemm 328 persuna minorenni mressqa, li jagħmel it-total ta' minorenni fil-Qorti matul l-aħħar 10 snin ta' 2,888.
Il-ministru Carmelo Abela ta' din l-informazzjoni fil-Parlament għal mistoqsija parlamentari li saret mid-deputat Silvio Schembri.
Ir-raġunijiet għalfejn dawn tressqu l-Qorti kienu varji u jinkludu offiżi ta’ serq, droga, ikkaġunaw feriti, theddid u nsulti. Kien hemm ukoll minorenni li tressqu quddiem il-Qorti minħabba ksur tar-regolamenti tat-traffiku, għad li dawn kienu taħt l-età legali tas-sewqan. Diversi każi kienu jitrattaw ksur tar-regolamenti dwar liġi tal-armi, tipjip f’postijiet projbiti, ħruq, dagħa u kliem oxxen, pussess ta-pornografija, offiżi u vjolenza kontra uffiċċjali pubbliċi, theddid, telefonati anonimi u offiżi relatati ma' prostituzzjoni, fost l-oħrajn.