Raġel minn Ħal Balzan li kien qed jiġi akkużat li żamm 49 kelb u diversi għasafar eżotiċi f'kundizzjonijiet li ma kinux tajbin, kellu jarahom jitteħdulu wieħed wieħed mid-Dipartiment tal-Animal Welfare.
Dan intqal fil-Qorti fix-xhieda li ta l-ispettur Jonathan Ransley quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, fil-każ kontra Philip Borg minn Ħal Balzan.
"Kien jitratta l-annimali tiegħu bħallikieku kienu wliedu. Kien kważi se jibki meta kienu qed jitteħdulu," qal l-Ispettur waqt li saħaq li dawn kienu qed jinżammu f'gaġeġ żgħar. "Qalilna li kellu xi mkien ieħor fejn iżommhom, xi fabbrika abbandunata fl-Imrieħel. Kont għidt lill-Kap tad-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji, Anthony Gruppetta jekk hux possibbli jagħtu ġimgħa ċans ħalli jaraw jekk jitjiebux dawn il-kundizzjonijiet."
Minkejja dan, Gruppetta qal li ried itemm il-biċċa xogħol, żied jgħid l-Ispettur, waqt li sostna li Gruppetta qatt ma żar is-sit.
Borg ra lid-49 kelb tiegħu jittieħdu mill-Awtorità lejn l-Għammieri, fejn hemmhekk miet wieħed minnhom. Intqal kif l-annimali li ttieħdu l-Għammieri kienu f'kundizzjoni ta' saħħa tajba minbarra wieħed, li Borg qal li kien għadu kemm salvah u kien għadu qed jieħu l-kura. Intqal ukoll li l-klieb kienu mitmugħin tajjeb u l-post fejn kienu qed jinżammu kien nadif.
Emanuel Buhagiar, li huwa l-eks Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali qal li l-Għammieri mhux mgħammar biex jilqa' daqstant annimali, u għaldaqstant kien irrakkomanda li Borg jingħata iktar ċans sabiex isib post alternattiv għall-annimali tiegħu, fejn insista li l-klieb kienu f'saħħithom u l-unika problema kienet fil-post fejn kienu qed jinżammu.
Il-każ se jkompli jinstema' fil-Qorti f'Jannar li ġej.