Il-Qorti ma laqgħatx il-libell li Silvio Scerri, eks 'Chief of Staff' tal-eks Ministru tal-Intern Manuel Mallia, kien ressaq kontra John Bundy fl-2014.
Scerri kien fetaħ il-kawża kontra Bundy, meta dan kien għadu preżentatur fl-2014, wara li t-Times of Malta kienet ippublikat artiklu li allega li Bundy kien qal li Scerri ried li l-preżentatur tal-programm TVAM, Norman Vella jitkeċċa minn fuq l-istazzjon nazzjonali TVM.
L-Imħallef Francesco Depasquale, saħaq li Scerri, fiż-żmien li kien jaħdem fil-Ministeru ta' Manuel Mallia, wisq probabbli kien jaf bid-deċiżjoni li Norman Vella jiġi trasferit għal kariga oħra, minkejja li huwa protesta dwar il-kuntrarju.
"Il-Qorti ssib diffikultà tifhem kif iċ-'Chief of Staff' ta' Ministeru tant importanti, ma jkunx informat bil-korrispondenza li saret bejn is-Segretarju Permanenti u l-Uffiċju tal-Prim Ministru, fir-rigward tat-tneħħija ta' Vella mit-TVM, meta l-istess Ministru, kien ilu jirċievi lmenti dwar Vella u dwar il-fatt li kien qiegħed jitħalla jxandar programmi fuq TVM minkejja l-bidla fil-Gvern."
Filwaqt li d-deċiżjoni kienet waħda amministrattiva, li setgħet ittieħdet mis-Segreatrju Permanenti, kien hemm ukoll aspett politiku, li kellu jiġi indirizzat miċ-'Chief of Staff' tal-Ministru, sostniet il-Qorti, li nnotat li l-verżjoni ta' Bundy u ż-żmien li waqtu huwa ħareġ l-informazzjoni kien aktar viċin tal-verità.
Għaldaqstant il-Qorti ma laqghatx it-talba ta' Silvio Scerri għal libell kontra John Bundy.