Jason Gatt, ta' 37 sena minn Raħal Ġdid ammetta li seraq erba' kaxex tad-donazzjoni tal-Malta Community Chest Fund minn ħwienet fil-Fgura, Ħal Tarxien u Bormla bejn it-13 u t-18 ta' Diċembru. Huwa kien qed jiġi akkużat ukoll li fid-19 ta' Diċembru ħarab mill-għassa tal-Pulizija.
L-isppettur tal-Pulizija spjegat kif ir-raġel inqabad fil-fatt jisraq dawn il-kaxxi tad-donazzjoni permezz tal-kameras tas-CCTV, u spjegat ukoll kif l-akkużat kellu diversi kawżi ta' serq fil-passat.
L-avukat ta' Gatt, Yanika Bugeja sostniet li huwa kellu problema bid-droga u kien qed ifittex l-għajnuna. Għaldaqstant, issuġġeriet li jingħata l-kura u sentenza ta' probation minħabba li l-akkużat kien jinsab ħerqan sabiex jibda l-programm ta' rijabilitazzjoni.
Il-Maġistrat, min-naħa tagħha spjegat li kien hemm madwar xahar ta' żmien ta' stennija sabiex ikun jista' jiddaħħal fil-programm, iżda se jkun jista' jirċievi kwalunkwe assistenza medika li jeħtieġ.
Minkejja li kien jidher li l-Qorti kienet se tagħti senteza sospiża, l-avukat ta' Gatt argumentat li r-reati kommessi ma kienx jistħoqqilhom sentenza li tibqa' tgħodd tliet snin, u sostniet li "dan kien sempliċiment serqa, u mhux aggravat u fil-fatt huwa reat banali u stupidu."
Sostniet ukoll li l-akkużat għandu problema serja, "biex tisraq kaxxa mimlija b'muniti taċ-ċenteżmu, irid ikollok problema. Ma kontx se naħli l-enerġija niġpieled għal xi ħadd li ma jridx jirriforma ruħu."
Il-Qorti min-naħa tagħha, sabet lil Gatt ħati u poġġietu taħt probation għal tliet snin, waqt li jrid jieħu l-kura għall-problema tiegħu. Il-Qorti wissiet lill-akkużat li kien qed iħares lejn multa ta' €1000, jekk jikser il-kundizzjonijiet tal-probation.