Jaqa' l-libell li fetaħ Joe Mifsud kontra l-ILLUM

Il-Qorti twaqqa' każ ta' libell li kien infetaħ mill-eks President tal-MFA, Dr.Joe Mifsud kontra l-editur tal-ILLUM

Dr. Joe Mifsud, eks President tal-MFA
Dr. Joe Mifsud, eks President tal-MFA

Il-Qorti waqqgħet każ ta' libell li kien infetaħ mill-eks President tal-MFA, Dr.Joe Mifsud kontra l-editur tal-ILLUM, Saviour Balzan, li wara ġie sostitut minn Kurt Sansone. Il-libell kien infetaħ fl-2008 dwar artiklu jismu "Gwerra Dikjarata", li kien irrapporta dwar investigazzjoni ta' ksur fl-istatut tal-istess MFA, korruzjoni u abbuż ta' poter, kif ukoll miżapproprjazzjoni ta' fondi tal-MFA.

Dan il-libell kien infetaħ fl-istess ħin ma' oħrajn kontra t-teżorier tal-MFA Norman Darmanin Demajo, u l-eks editur tal-ILLUM Kurt Sansone u l-ġurnalist Mark Attard li rrapportaw l-istorja dwar dan il-każ. Iż-żewġ każi instemgħu fl-istess ħin fil-Qorti.

F'sentenza li nqatgħet illum fil-Qorti mill-Maġistrat Francesco Deapsquale, il-libell ġie mwaqqa', hekk kif ġie nnotat li l-artiklu msemmi lanqas biss kien eżebit bħala prova fil-każ kontra l-ILLUM, li f'każi ta' libelli ta' dan it-tip huwa rekwiżit bażiku.

Il-każ imur lura għall-2007, wara li l-media internazzjonjali kienet irrapportat li l-MFA qatt ma rċieviet ammont ta' flus imħallas lilha għall-logħba li Mifsud kien organizza kontra l-Bayern Munich fis-sena 2000. Kienu saru wkoll akkużi li xi fondi mqassma mill-UEFA għall-klabbs, ma tqassmux lilhom mill-MFA.

Fuq Media internazzjonali, inkluż fuq il-programm televiżiv tal-BBC, Panorama, ġie allegat li l-flus li kienu tħallsu lil Mifsud bħala President tal-MFA, ġew trasferiti f'kont fiduċjarju, minkejja li l-assoċjazzjoni ma kella ebda kont ta' dak it-tip fiż-żmien li saru dawn il-pagamenti.

Is-sena ta' wara, it-teżorier tal-MFA, Norman Darmanin Demajo fetaħ investigazzjoni dwar dawn l-allegazzjonijiet ta' korruzjoni, miżaproprjazzoni ta' fondi u ksur tal-istatut tal-MFA bil-mod kif Mifsud iffirma l-kuntratti.

More in Qrati u Pulizija