Raġel ingħata sentenza sospiża mill-Qorti wara li ta daqqa ta' sikkina lil omm uliedu u fetħilha wiċċha. Il-każ kien seħħ lura fl-2008 meta r-raġel kien agredixxa lill-mara quddiem uliedhom minħabba li sab €50 neqsin. Il-Qorti qalet li waslet għal din is-sentenza sabiex jitnaqqas l-effett tat-trawma fuq it-tfal.
Ir-raġel kien ġie akkużat b'attentat ta' qtil tal-mara lura fl-2008, wara li sfiguralha wiċċha, u dan flimkien ma' disa' akkużi oħra relatati ma' theddid u vjolenza.
Dakinhar tal-attakk, ir-raġel ta' 52 sena mill-Ħamrun kien sab €50 nieqsa mill-kartiera u akkuża lill-mara, li kienet ilha tgħix miegħu għal 11-il sena, li kienet ħadithom hi.
L-argument esklala tant li l-mara pruvat taħrab mid-dar, iżda r-raġel baqa' jsegwiha. Ir-raġel kien laqatha b'mus darbtejn, darba fuq in-naħa tal-lemin ta' wiċċha u wara fuq wara ta' rasha. Il-mara kienet intilfet minn sensiha u ttieħdet l-isptar, u kienet it-tifla tagħhom stess li kkonfermat li l-akkużat kien il-persuna li għamlilha dawk il-ġrieħi.
Il-mara kienet xhedet li spiss kienet tispiċċa vittma tas-swat mir-raġel tagħha tul il-11-il sena li damu flimkien, u saħansitra kienet għamlet għadd ta' rapporti mal-pulizija, imma hi kienet dejjem taħfirlu.
Qalet ukoll li ma kinetx telqet mid-dar għal kollox minħabba li l-akkużat kien missier uliedha u allura, "xorta kien jingħata aċċess għalihom, irrelevanti fejn inkun qed ngħix."
Il-Maġistrat qalet kif l-akkużi miġjuba kontra l-akkużat kienu varji, imma minkejja dan, il-Qorti kellha tikkunsidra li l-vittma kienet fil-fatt ħafritlu u flimkien, kienu l-ġenituri ta' tlett itfal. Kompliet issostni li jekk l-akkużat jintbagħat il-ħabs, kienu se jsofru t-tfal stess, wara li dawn kienu diġà għaddew minn trobbija trawmatika minħabba l-vjolenza domestika.
Għaldaqstant, il-Qorti tat sentenza ta' sentejn ħabs sospiża għal 4 snin, flimkien ma' multa ta' €5,000.