L-għajjat għall-għajnuna tat-tfajla li kien qed jistupra ħasbu kant
Libjan jeħel erba' snin ħabs talli pprova jistupra Żvediża
More in Qrati u Pulizija
Libjan jeħel erba' snin ħabs talli pprova jistupra Żvediża
Ahmed Rasem Franka, ġie mogħti sentenza ta' 4 snin ħabs għall-attentat ta' stupru fuq tfajla Żvediża. L-akkużat, fil-Qorti beda jiġġustifika dak li għamel billi qal li l-għajjat li beda ħiereġ minn fomm it-tfajla kien fil-fatt kant.
Il-każ kien seħħ lura f'Jannar tal-2015 meta Franka kien ġie arrestat fil-Bajja ta' San Ġorġ ftit qabel il-4.45am meta l-Pulizija marret sabiex tinvestiga rapporti li possibbilment kien għaddej stupru. Il-Pulizija kienu sabu tfajla nofsha għarwiena tgħajjat għall-għajnuna, waqt li l-akkużat libes il-qalziet malajr, hekk kif tfaċċaw il-Pulizija, spjegaw l-uffiċjali tal-Pulizija fil-Qorti.
Ir-raġel Libjan, li f'każ separat ġie akkużat bi qtil ta' Kolombjan flimkien ma' Libjan ieħor, ġie akkużat fil-Qorti b'attentat ta' stupru, assalt vjolenti, li żamm persuna kontra l-volontà tagħha, li weġġagħha ħafif u li offenda l-morali pubbliċi.
Fil-Qorti, it-tfajla qalet li kienet xorbot ammont konsiderevoli ta' alkoħol, iżda sostniet li d-drink tagħha kien ġie mbagħbas. "Hu pprova jagħmel is-sess miegħi fuq il-bajja u jien ma ridtx u bdejt ngħidlu le, ma rridx. Baqa' jipprova, u bdejt inwerżaq, u tani daqqa ta' ponn f'wiċċi," sostniet it-tfajla fil-Qorti.
Ir-raġel qal li ltaqa' mat-tfajla Paceville, u wara li żifnu u qagħdu jitkellmu, Franka sostna li qaltlu biex imorru fuq il-bajja għax kienet taf b'post sabiħ. Kompla jgħid kif it-tfajla fetħitlu ċ-ċintorin u hu fetaħ il-qalziet, iżda mbagħad, malli tfaċċaw il-Pulizija, "hi bdiet tibki u tgħid li ma kinitx it-tfajla tiegħu." Żied isostni li hi ma kinetx qed twerżaq għall-ewwel imma kien donnu kant.
Il-Maġistrat ma tantx kienet impressjonata bil-verżjoni tal-Libjan u nnutat kif il-Pulizija qalu li l-kliem li semgħu l-Pulizija kienu fil-fatt krib għall-ajjut. Minkejja li l-Qorti sostniet li seta' kien minnu li t-tfajla kienet xorbot u kienet għamlet ċertu avvanzi, din xorta waħda ma ridetx li l-affarijiet imorru oltre. Sostniet kif l-akkużat, b'mod ċar ma setax jaċċetta li t-tfajla rrifjutatu u ma waqafx meta din qaltlu 'ieqaf' u 'le'.
Għaldaqstant, il-Qorti bagħtet lil Franka 4 snin ħabs waqt li ħarġet ordni ta' protezzjoni fil-konfront tat-tfajla.