Aktar kmieni llum, għall-ħabta tal-16:45 ta’ wara nofsinhar, il-Pulizija ġew infurmati li seħħet serqa minn banka tal-lottu li tinsab fi Triq San Pawl, ir-Rabat, Malta.
Jidher li l-ħalliel kien liebes 'hoodie'u nuċċali tax-xemx. Huwa daħal fil-banka tal-lottu, ħareġ is-sikkina li kellhu fuqhu u talab il-flus lill-impjegata, mara ta’ 58 sena mir-Rabat stess.
Huwa ħarab minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti. Fortunatament ħadd ma weġġa’ f’din is-serqa.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr J. Demicoli, li ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-Inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mill-Għassa tar-Rabat għadhom għaddejjin.