Raġel ta' 55 sena ngħata multa ta' €3000 wara li nstab ħati li kkawża inċident tat-traffiku li fih sewwieq ta' mutur ġarrab diżabilità permanenti.
L-Ispettur Roderick Spiteri akkuża lil Alfred Zammit bis-sewqan negliġenti tiegħu ikkawża inċident fi Triq Pantar, f'Ħal Lija fid-19 ta' Novembru tal-2014. Fl-inċident, Lee Farrugia, sewwieq ta' mutur weġġa' gravi u sofra diżabilità permanenti fi 8% ta' ġismu, b'riżultat tal-impatt mall-BMW ta' Zammit.
Filmat tal-inċident li ntwera liIl-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, kien juri li Zammit ikkważa l-inċident wara li huwa għamel "U-Turn" mingħajr ma' osserva jekk kienx ġej xi ħadd mid-direzzjoni opposta.
"Jidher biċ-ċar li meta l-akkużat għamel il-manuvra, ma kienx qiegħed iħares fejn suppost, bħal ma kien obligat jagħmel," qalet il-Maġistrat, "għax kieku kien jinnota l-mutur tal-vittma."
Il-Qorti sabet lil Zammit ħati tal-akkużi u tagħtu multa ta' €3000 u sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan għal tmint ijiem.