214 Pulizija sofrew f'inċidenti waqt il-qadi ta' dmirijiethom

Dwar dawn l-inċidenti bejn l-2013 s'issa, 295 persuna tressqu l-Qorti akkużati li ħebbew jew attakkaw membri tal-Korp tal-Pulizija

In-numru ta’ pulizija li sofrew minn xi inċident waqt il-qadi ta’ dmirijiethom bejn Marzu tal-2013 u Jannar ta’ din is-sena kien ta’ 214. Din l-informazzjoni żvelaha l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, b’risposta għal domanda mressqa lilu mid-Deputat Laburista Etienne Grech.

L-aktar sena li fiha kien hemm inċidenti li jinvolvu membri tal-korp kienet l-2013, li fiha seħħew 63 inċident f’Malta u 4 f’Għawdex. Fl-2014 kien hemm inqas inċidenti, b’52 wieħed f’Malta u 4 oħra f’Għawdex. Fl-2015 u l-2016 seħħew 45 inċident rispettivament f’Malta. F’Għawdex ma kienx hemm inċidenti rrapportati fl-2015 u wieħed biss fl-2016.

Mistoqsi dwar kemm tressqu persuni l-Qorti akkużati li ħebbew u attakkaw membri tal-Korp tal-Pulizija waqt il-qadi ta' dmirijiethom, il-Ministru Abela qal li mis-sena 2013 sal-aħħar ta’ Jannar tal-2017,  kien hemm 295 persuna li tressqu l-Qorti akkużati li ħebbew jew attakkaw membri tal-Korp tal-Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Abela qal li filwaqt li hemm diversi każi li għadhom sub-judice u xi ftit li ġew illiberati, kien hemm 208 persuna li nstabu ħatja. Il-pieni li ngħataw kienu jvarjaw minn priġunerija, sentenzi sospiżi, probation, multi u kien hemm xi każi fejn il-persuni ġew imwiddba.

More in Qrati u Pulizija