Iktar kmieni llum, Pulizija f’diversi Stati Membri varaw operazzjoni konġunta kontra persuni li qed jużaw l-internet sabiex ixerrdu materjal ta’ abbuż ta’ tfal. Is-Cyber Crime Unit tal-Pulizija Maltija ukoll qed tipparteċipa f’din l-operazzjoni, li l-preparamenti għaliha ilhom għaddejjin għal diversi xhur.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, persuni li jagħmlu użu minn peer-to-peer networks bdew jirċievu messaġġ jinfurmahom illi huwa reat kriminali li persuna tuża l-internet sabiex tiddawnlowdja materjal li juri abbuż tat-tfal. Il-filmati u ritratti b’dawn il-messaġġi qegħdin jiġu mxerrda permezz ta’ kompjuters imħaddmin minn Pulizija minn madwar l-Ewropa.
Matul l-aħħar snin, kienu diversi l-investigazzjonijiet li matulhom persuni li kienu qegħdin ixerrdu materjal ta’ abbuż tat-tfal fuq dawn in-networks ġew identifikati, arrestati, investigati u mressqa l-Qorti. Il-messaġġ li qed twassal il-Pulizija permezz ta’ din l-inizjattiva huwa li kienet, għadha u ser tibqa tissorvelja dawn in-networks sabiex persuni li qed jiksru l-liġi jiġu mressqa quddiem il-ġustizzja.
Din l-operazzjoni qed isir bis-sapport tal-Aġenzija Ewropea tal-Pulizija, il-EUROPOL. Iktar informazzjoni dwar din l-inizjattiva tinstab hawnhekk: https://www.europol.europa.eu/police2peer