Raġel ta' 46 sena minn Birżebbuġa inżamm taħt arrest wara li ġie akkużat li stupra l-ġara tiegħu fil-karozza.
L-Ispettur Joseph Busuttil akkuża lir-raġel bi stupru, offiża tad-deċenza pubblika kif ukoll li kkawża feriti ħfief lill-mara.
Fil-Qorti ġie spjegat li l-vittma, mara barranija minn pajjiż tal-Ewropa tal-Lvant, kienet qegħda tixrob mal-akkużat, li huwa l-ġar tagħha. Il-mara qalet lill-Pulizija li l-akkużat offrielha li jwassalha d-dar u li hi aċċettat l-offerta. Minkejja dan, minflok ħadha d-dar, huwa mifhum li r-raġel saq lejn parkeġġ imwarrab fejn hemmhekk stupra lill-mara fil-karozza.
Il-mara, li dak il-ħin kienet taħt l-effett tal-alkoħol, jidher li ġiet f'sensiha waqt li kienu għadhom fil-karozza u rnexxiela taħrab wara taqbida mal-akkużat. Hija ċemplet lill-Pulizija minn fabbrika viċin tal-parkeġġ fejn kienu.
L-akkużat wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih, iżda għalissa l-avukat difensur tiegħu għadu ma talabx il-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti ordnat li l-akkużat jinżamm taħt arrest, sakemm isiru l-istħarriġ neċessarji.