Serqa f'ħanut fir-Rabat minn ħalliel armat b'sikkina...

Din kienet it-tieni serqa mill-istess ħanut f'temp ta' ftit ġimgħat...minn ħalliel jikkorrispondi għall-istess deskrizzjoni

Ritratt : Arkivji
Ritratt : Arkivji

Ftit qabel is-siegħa ta’ wara nofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata li kienet għadha kemm seħħet serqa minn ħanut tal-ġugarelli fi Triq San Pawl, ir-Rabat, it-tieni waħda f'temp ta' ġimgħatejn.

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarrig preliminari li sar irriżulta li raġel mgħammad, liebes hoodie u armat b’sikkina, daħal fil-ħanut u ġiegħel lill-impjegata ittih il-flus. Fortunatament, l-impjegata, ta' 23 sena ma sofriet l-ebda ġrieħi.

Ir-raġel irnexxielu jaħrab minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr M Farrugia li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Fit-23 ta' Frar, l-istess ħanut kien misruq f'ċirkostanzi simili ħafna ta' dawk tal-lum, bil-ħalliel liebes hoodie u nuċċali tax-xemx jaħrab bil-flus wara li hedded lill-impjegata b'sikkina. Ix-xahar li għadda wkoll, banka tal-lottu fl-istess triq tal-ħanut tal-ġugarelli sfat misruqa, għal darb'oħra minn ħallieli jixbaħ l-istess deskrizzjoni. U l-ġimgħa li għaddiet, ħalliel li għal darb'oħra jixbaħ id-deskrizzjoni ta' "liebes hoodie u nuċċali tax-xemx u armat b'sikkina" għamel serqa f'ħanut tal-ġugarellu f'Tas-Sliema.

More in Qrati u Pulizija