Sentenza mnaqqsa għal prostituta akkużata b'theddid u estorsjoni

Il-Qorti naqqset il-piena lil mara ta’ 32 sena li rebħet appell għall-akkużi miġjubin kontriha li hedded u talbet somom kbar ta' flus mingħand klijent

Il-Qorti tal-Appell ħelset mara minn sentenza ta’ 3 snin ħabs li kienet ingħatat lilha fuq akkużi ta’ estorsjoni hekk kif ġie nnotat li t-theddid ma sarx minnha.

Il-mara ta’ 32 sena kienet ingħatat sentenza ta’ 3 snin ħabs fl-2015 wara li l-Qorti tal-Maġistrati sabuha ħatja ta’ tlajjar bi skop ta’ prostituzzjoni u ta’ estorsjoni ta’ mhux inqas minn €2,441 mingħand klijent.

Il-mara ġiet arrestata lura fl-2007 fuq akkużi ta’ tlajjar f’żona tal-Marsa magħrufa għall-prostituzzjoni, u akkużata flimkien mal-pimp tagħha, Stephen Mifsud, b’estorsjoni fil-konfront ta’ raġel li kien għamel użu mis-servizz tagħha qabel u li ġie konvint li kien ħareġ lill-mara tqila.

L-Imħallef Antonio Mizzi sema’ kif il-mara, ‘tat is-servizzi tagħha’ lir-raġel f’karozza u li waqt l-att infurmat lir-raġel li l-kontraċettiv li uża kien infaqa’. Biex tkompli żżid il-paniku fir-raġel, il-mara, li dak iż-żmien kellha 22 sena, qaltlu li kienet minorenni ta’ 17 –il sena.

Filwaqt li qalet lir-raġel li se jkolla bżonn €1,165 biex tħallas għal abort, hija talbet lill-vittma biex jistenniha fil-karozza sakemm tmur iġġib lil “żewġha”, li kien kumbinazzjoni fil-viċinanzi. Il-pimp imbgħad resaq lejn il-karozza b’ġebla f’idu u talab il-flus.

Wara li aċċetta ammont ta’ madwar €450 li r-raġel kellu fil-kartiera, il-koppja wassluh sa ATM sabiex huwa jiġbed il-bqija tas-somma mitluba minnhom, €233 oħra.

Iżda din il-ħolma kerha għar-raġel ma spiċċatx hemm, hekk kif ġimgħa wara huwa sab lit-tfajla tistennih barra l-post tax-xogħol tiegħu biex tinfurmah li kellha bżonn tagħmel abort. Il-vittma ta €260 oħra, iżda l-mara hedditu li terġa’ tgħid lil Misud. B’biża li jinqala’ aktar inkwiet, il-vittma saqha sad-dar tiegħu, fejn ta €582 oħra, u għamel ukoll l-iżball li ta n-numru tat-telefon tiegħu. Dak il-lejl stess, il-mara ċemplet lill-vittma u talbitu  madwar €500 oħra jew inkella taħraqlu l-karozza u d-dar. Beżgħan, ir-raġel reġa’ aċċetta u ta s-somma lill-mara.

L-għada rċieva telefonata oħra mingħand il-mara, li akkużat li ħadet infezzjoni meta kienet miegħu u li għanda bżonn €349 għall-kura. Wara li l-vittma ta din is-somma wkoll, iddeċieda li jmur jagħmel rapport lill-Pulizija.

Il-koppja ġiet arrestata mill-Pulizija wara li l-vittma għarafhom minn xi ritratti li ġew murija lilu.

Ir-raġel u l-mara ingħataw it-tnejn li huma piena ta’ 3 snin ħabs fl-2015, wara li nstabu ħatja ta’ estorsjoni u li kienu reċedivi.

Iżda fid-deċiżjoni li ttieħdet il-ġimgħa li għaddiet mill-Imħallef Antonio Mizzi, ġie nnotat li l-provi preżentati fil-Qorti ma kienu juru li l-prostituta hedded lir-raġel, filwaqt li nnotat li “jidher biċ-ċar li l-vittma ħallas il-flus għax beża’ mir-raġel, u mhux mill-prostituta.”

Il-Qorti osservat ukoll li minn meta seħħ il-każ, il-mara biddlet ħajjitha, ħarġet mill-vizzju tad-droga u issa qed trabbi familja.

Għaldaqstant il-Qorti aċċettat it-talba ta’ appell, u biddlet is-sentenza tal-mara għal sentejn, sospiżi għal erba’ snin.

More in Qrati u Pulizija