Bi skuża ta' 'photoshoot'... abbużaw minn tfajliet taħt l-età

Wieħed mill-irġiel huwa akkużat li minbarra li ħa r-ritratti indiċenti, kellu wkoll x'jaqsam ma' tfajla ta' 14 -il sena

Michael Kingswell (xellug) u Roberto Rizzo (lemin) | Ritratti minn tvm.com.mt
Michael Kingswell (xellug) u Roberto Rizzo (lemin) | Ritratti minn tvm.com.mt

Żewġt irġiel, Michael Kingswell ta’ 36 sena minn Ħaż-Żebbuġ u Roberto Rizzo ta’ 37 sena minn Marsaskala, ġew akkużati separatament li użaw il-fotografija bħala skuża biex jistadu tfajliet taħt l-età bil-premessa li jagħmlulhom ‘photoshoot’, li wara jirriżulta fit-talba ta’ pożi indiċenti.

Kingswell, ġie akkużat separatament li kellu x’jaqsam sesswalment ma’ tfajla ta’ 14 -il sena wara li pprova jistada minn fuq facebook bi stedina għal ‘photoshoot’. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Kingswell qed jiġi akkużat li kkorrompa tfajla minuri, ipparteċipa f’attivitajiet sesswali magħha, ħadilha ritratti indiċenti u xerridhom fuq l-internet, kif ukoll li kellu fil-pussess tiegħu ritratti indiċenti ta’ minuri. L-attenzjoni tal-Pulizija inġibdet mill-Interpol wara li dawn irrappurtaw li kien hemm traffiku ta’ materjal pornografiku tat-tfal mill-‘IP’ tal-computer ta' Kingswell. L-akkużat ġie iddentifikat mill-Pulizija li fl-investigazzjonijiet tagħhom dwaru skoprew ukoll l-inviti għall-‘photoshoots’ li huwa kien qed jagħmel lil numru ta’ tfajliet.

Fil-Qorti, l-Ispettur Joseph Busuttil xehed li Kingswell kien jistieden lit-tfajliet ‘jikxfu aktar’ sabiex ir-ritratti li joħdilhom jiġu ‘aktar artistiċi’. Id-difiża ma għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest u l-Qorti ordnat li Kingswell jinżamm taħt arrestat.

Mingħajr konnessjoni ma’ Kingswell, l-investigazzjoni tal-Pulizija wasslithom biex jidentifikaw raġel ieħor, Roberto Rizzo, li permezz ta’ facebook, bl-istess premessa ta’ ‘photoshoots’, kien qed jagħmel kuntatt ma’ numru ta’ tfajliet biex joħdilhom ritratti indiċenti u wara jxerridhom fuq l-internet.

Fil-Qorti, Rizzo wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. L-avukat difensur tiegħu  għamel talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Qorti ċaħdet din it-talba u Rizzo nżamm taħt arrest wara li l-Pulizija uriet biża' li Rizzo jista' ipprova jagħmel kuntatt mat-tfajliet li mistennija jixhdu u b'xi mod jinfluenzahom.

More in Qrati u Pulizija